Nasal biex nifhem ix-xettiċiżmu. Kif ukoll iċ-ċiniżmu.
Għaddejna minn wisq esperjenzi drammatiċi li spiċċaw biex ħallew effett minimu biex ma jgħaddilniex minn moħħna li t-tfittxija li saret fir-residenza ta’ Joseph Muscat – sentejn wara li nbdiet inkjesta, ħames snin wara li l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni raw id-dawl tax-xemx u ftit ġranet wara li hu stess kien avżat bil-quddiem li kienet ser issir tfittxija f’daru mill-Pulizija – jista’ jkun li x’aktarx seħħet biex tidher li qed issir xi forma ta’ ġustizzja. Madankollu jeħtieġ li l-esperjenzi tagħna ma nippermettulhomx iċajprulna l-ġudizzju tagħna. Jekk nagħmlu dan u s-sens ta’ kawtela ġustifikata li għandna jinbidel f’ċiniżmu sfrenat, inkunu qed niżbaljaw.
It-tfittxija li għamlet il-Pulizija ma tistax titqies bħala waħda li b’xi mod tat xi vantaġġ lil Joseph Muscat jew lil Robert Abela. Li kieku kien hemm xi mod kif it-tfittxija setgħu jwaqqfuha, ibqgħu ċerti li kienu jwaqqfuha. Kif ġraw l-affarijiet, kulma jistgħu jagħmlu issa hu li jippruvaw inaqqsu l-ħsara. Kienet prevedibbli u interessanti l-istorja li xxandret fit-Times of Malta tal-lum dwar l-inkwiet li seħħ fi ħdan il-Partit Laburista b’rabta mal-fatt li Robert Abela rrifjuta u ma kellux il-ħila li jordna lill-Maġistrat u lill-Pulizija biex iħallu lil Joseph Muscat bi kwietu.
Joseph Muscat għalihom huwa alla. Mhux biss huwa popolari u maħbub. Il-liġijiet ma jgħoddux għalih. Għamel x’għamel, għas-segwaċi tiegħu ħadd ma jista’ jmissu u min jgħid mod ieħor ikun qed jikkommetti sagrileġġ.
X’jidhirlu Robert Abela?
Aqraw il-kitba ta’ wara din.