Din qed insibha diffiċli biex nifhimha.
Illum Robert Abela wieġeb mistoqsijiet dwar l-arranġament legali li sar ma’ Darren Debono magħruf bħala t-Topo. Xi ġranet ilu, lill-Avukat Ġenerali – u mhux lill-Prim Ministru – l-Oppożizzjoni talbitha biex tispjega d-deċiżjoni li ħadet hi dwar dan l-arranġament legali. Agħtu daqqa t’għajn hawnhekk lejn ir-raġunijiet ‘l għala qed tiġi kontestata d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali.
L-Oppożizzjoni (u kull min din id-deċiżjoni xejn ma niżlitlu tajjeb) ma talbitx spjegazzjoni mingħand il-Prim Ministru għaliex kulħadd fehem li l-Prim Ministru ma kellu x’jaqsam xejn ma’ din id-deċiżjoni. In-nies fehmuha b’dan il-mod għaliex il-Kostituzzjoni tgħid ċar u tond li l-Avukat Ġenerali mhu obbligat li jwieġeb lejn ħadd meta jieħu deċiżjonijiet dwar prosekuzzjoni. L-Avukat Ġenerali għandu d-diskrezzjoni li jnaqqas il-livell tas-serjetà ta’ akkużi fil-konfront ta’ akkużat u l-Prim Ministru ma jidħol qatt fi kwistjonijiet bħal dawn.
Madankollu Robert Abela jidher li kien infurmat sewwa dwar x’kienu r-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni li ttieħdet mill-Avukat Ġenerali dwar Darren Debono. Robert Abela stqarr li d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Avukat Ġenerali ma tteħditx biex tiġi skreditata x-xhieda li kienu taw il-kompliċi tiegħu fl-attentat tas-serqa tal-2010 tal-HSBC li kienu diġà implikaw lil Carmelo Abela fid-delitt. Kif sar jaf il-Prim Ministru li din ma kinitx ir-raġuni? Jaqaw staqsa lil Victoria Buttigieg? Kienet hi li qaltlu? Jekk it-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet hi “iva”, inkiser il-prinċipju tal-awtonomija tal-prosekuzzjoni.
Dan mhux kollox. Peress li Carmelo Abela hu kollega ministerjali ta’ Robert Abela u ġaladarba Robert Abela għandu interess politiku li jiżgura li Carmelo Abela politikament ma jegħriqx iżda jibqa’ jimraħ fil-wiċċ tax-xenarju politiku, jekk Victoria Buttigieg tassew tkellmet ma’ Robert Abela dwar Darren Debono, allura titqies kompliċi fil-ħarsien tal-interessi ta’ bniedem suspettat li wettaq delitt kriminali u ma tistax titqies b’gwardjana tal-interess publiku. Interess li għandu jkun l-uniku sisien li fuqu tasal biex tieħu d-deċiżjonijiet.
B’diskorsu Robert Abela ta ħjiel li twasslulu r-raġunijiet wara d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Avukat Ġenerali. Xamm li r-raġunijiet wara t-teħid ta’ din id-deċiżjoni li jintlaħaq arranġament ma’ Darren Debono ser jinkixfu waqt il-proċeduri kriminali li għad iridu jseħħu.
Jeħtieġ li nkunu ġusti mal-Prim Ministru. B’diskorsu seta’ kellu l-intenzjoni li jagħti x’jifhem li huwa għandu fiduċja sħiħa f’Victoria Buttigieg bħala prosekutur, tant li jistenna li l-misteru jinstab tarfu hekk kif naraw ir-riżultati tal-ħidma tagħha. Jekk dan kien appuntu dak li ried ifisser, ħmir konna meta smajna li ntlaħaq l-arranġament u ħmir bqajna. U jkollna nistennew u naraw.
Iżda ġaladarba l-Prim Ministru wera b’mod kategoriku li għandu informazzjoni li l-arranġament ma kellu xejn x’jaqsam ma’ Carmelo Abela, jista’ jkun hemm spjegazzjoni oħra ta’ dak li ried ifisser. Din hi li jaf sewwa x’kienu r-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni għaliex kien ġie konsultat dwarha, jekk mhux ukoll għaliex kien hemm l-indħil min-naħa tiegħu.
Il-liġijiet dawn mhux biss jiksruhom kif u meta jridu. Iżda pubblikament ibulu fuqhom ukoll.
Robert Abela tfantas u kkritika l-“attakk inġust” fuq Victoria Buttigieg. Skont il-Prim Ministru talba biex uffiċjal pubbliku tispjega u tiġġustifika deċiżjoni li ħadet – deċiżjoni li la ġiet spjegata u u wisq inqas ġustifikata – tfisser “attakk”. Victoria Buttigieg m’għandhiex għalxiex tieħu għaliha. Wara kollox, hi l-prosekutur ewlieni tal-pajjiż. Suppost għandha tkun fuq in-naħa taċ-ċittadini kontra l-kriminali. L-attakki li jkollha bżonn tilqagħlhom huma aktar serji minn xi tweet ta’ Bernard Grech.
Mistoqsija li saritilha biex tispjega l-għala ddeċiediet li, lil min spara fuq – u li għal ħarira ma qatilx – uffiċjali tal-pulizija, terħilu jgħaddiha ħafif mhix “attakk inġust”. Hi mistoqsija mill-aktar leġittima li issa qed issir dejjem aktar urġenti. Victoria Buttigieg baqgħet ma weġbitx il-mistoqsijiet li għalihom għandna dritt għal tweġiba. U, għan-nuqqas tagħha, qabeż fin-nofs il-Prim Ministru biex jitkellem għaliha meta suppost m’għandu jkollu x’jaqsam xejn ma’ din il-kwistjoni .
Dak li sa lbieraħ kien għadu biss qed iqajjem is-suspetti issa sar problematiku. Bandiera safra bidlet il-kulur u saret ħamra. X’inhi r-raġuni li l-Prim Ministru qed jipprova jserraħ l-imħuħ dwar deċiżjoni li, skont il-Kostituzzjoni, jista’ jeħodha biss uffiċjali pubbliku li ma jweġibx lilu?
Ma tridx wisq għerf biex tifhem. Deċiżjoni tal-prosekuzzjoni tifforma parti mill-proċess ġudizzjarju. Din is-sitwazzjoni nistgħu nqabbluha bħal dik ta’ meta l-Prim Ministru jiddeċiedi li jintervjeni f’dibattitu pubbliku biex jaqbeż għal Imħallef u biex jiġġustifika l-mod li jkun qata’ sentenza. Sitwazzjoni bħal din ċertament tkun waħda ta’ barra minn hawn.
Ġaladarba fin-nofs hemm il-ħajja politika ta’ Carmelo Abela – kif ukoll tal-Partit Laburista – l-intervent li għamel il-Prim Ministru huwa wieħed inkwetanti ferm. Robert Abela mhux biss tkellem meta kien messu sadd ħalqu. Robert Abela qed jeżerċita setgħat li mhumiex tiegħu.
Agħtu daqqa t’għajn lejn dan ir-rapport imxandar fit-Times of Malta dwar il-passat kriminali ta’ Darren Debono li jinkludi kundanna mill-qorti dwar tbagħbis fi provi. Lil dan il-bniedem, l-Istat naqqaslu s-severità tal-akkużi kontrih wara li spara fuq uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom huma u jippruvaw iwaqqfu serqa. Il-fatt li dan il-bniedem mhuwiex wieħed mill-ħelwin ħafna m’għandu x’jaqsam xejn. Jistgħu jsiru biss maħfriet għal delitti kriminali mwettqa minn kriminal. Ċittadini li dejjem obdew l-liġijiet ma jkollhom xejn x’jaħfru.
Iżda f’dan il-każ l-Istat bi tpartit jidher li akkwista xi ħaġa mingħand Darren Debono bix-xhieda tiegħu kontra l-kompliċi tiegħu. Il-membri tal-ġurija jkunu meħtieġa li jemmnuh minkejja li diġà nstab ħati li bagħbas provi fl-imgħoddi.
Ħaqqek prosit Victoria. Prosit ukoll Robert. Jidher li f’pajjiżna l-Prim Ministru tagħna issa leħaq ukoll prosekutur ewlieni, għallinqas fejn għandhom x’jaqsmu dawk il-kriminali li forsi kienu mħajra jixhdu dwar dawk il-ministri minn tiegħu li taw sehemhom biex seħħ attentat ta’ serqa minn bank.
Għażiż qarrej, dan huwa l-pajjiż li int qed tgħix fih.