Dan il-bniedem kien il-prim ministru u allura faċli li wieħed jimpressjona ruħu. Il-pantomimi tal-ġimgħa li għaddiet ta’ sikwit jagħmilhom min ikun qed iħoss l-ingassa tingħalaq madwar għonqu. Araw ftit kif qed iġibu ruħhom l-aħwa Degiorgio li kemm idumu ħajjin ser ikollhom jibqgħu jittellgħu l-qorti huma u jwieġbu għall-akkużi dwar delitti ta’ qtil li allegatament jinsabu mdaħħlin fihom u li dwarhom il-Pulizija jidher li għandha biżżejjed informazzjoni. Dawn sal-lum baqgħu jagħmlu kawżi kostituzzjonali waħda wara l-oħra, li fihom qed jallegaw ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom.
Jilagħbuha tal-vittma dawk li jkunu jafu li x’aktarx ser jieklu ikla ħabs għad-delitti li jkunu wettqu. Hi forma minn ewl id-dinja ta’ qerq. Dan l-istint nitwieldu bih. Meta Adam kien xamm li kien ser jiġi mgħoddi minn għarbiel minħabba għemilu, waħħal f’Alla talli tah mara li mbagħad ittantatu u ħajritu biex jidneb.
Meta storja tibda tagħqad, inwaħħlu fil-Pulizija. Joseph Muscat irid li tiġi investigata l-Maġistrat talli din qed tinvestiga lilu. Fil-fatt hi mhix tinvestigah iżda qed tiġbor il-provi u tibża’ għalihom. U bis-saħħa ta’ dak li rriżulta mit-tfittxija, x’aktarx li Joseph Muscat tfantas. Ħa għalih għax fittxewlu d-dar u ħareġ b’ħanġra daqsiex kontra politiċi bħal Jason Azzopardi – mira ovvja u faċli – u kontra Robert Aquilina li ta’ sikwit qed narawh ikellem lill-istampa quddiem il-Kwartier tal-Pulizija u l-bini tal-Qorti u jinsisti li l-proċess ġudizzjarju għandu jitħalla jieħu l-kors tiegħu. Joseph Muscat qed jgħid li l-fatt li Robert Aquilina ammetta li kien sema’ li kienet qed issir it-tfittxija hi prova li hu jinsab qrib l-investigazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, dan mhu minnu xejn. Joseph Muscat jgħix f’din il-pjaneta, fuq din il-gżira u f’raħal żgħir ħafna fost ħafna ġirien li jafu li jgħix hemm. Aħbar li l-pulizija qed tagħmel tfittxija fid-dar ta’ eks prim ministru tinfirex f’radda ta’ salib. U għaldaqstant ħadd ma jiskanta li din l-aħbar waslet ukoll f’widnejn il-ġurnalisti u f’widnejn dawk li ilhom jitkellmu fil-beraħ dwar dawn il-proċeduri.
Il-preżenza ta’ Robert Aquilina ftit ‘il bogħod mir-residenza ta’ Joseph Muscat m’għandha x’taqsam xejn mal-fatt li l-Pulizija – li kellha l-“ardir” tagħmel tfittxija fid-dar tiegħu – għandha problemi kbar fejn għandhom x’jaqsmu kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza. U dan għaliex Joseph Muscat pubblikament ammetta huwa stess li kien hemm min għaddielu informazzjoni bil-quddiem li l-Pulizija kien biħsiebha tagħmel tfittxija f’daru, tant li huwa għażel sensiela ta’ dokumenti bi “provi” li bihom seta’ juri l-innoċenza tiegħu u ftiehem ukoll mal-prim ministru dwar il-kliem li kellhom ilissnu u x’aktarx li Robert Abela, bħal ħmar, kellu jħassar vjaġġ u jibqa’ hawn biex ikun qrib sidu.
U mbagħad Joseph Muscat, għal darb’oħra, fetħilha dwar Maria Efimova li, fil-moħħ paranojku tal-eks prim ministru, jidher li ħadet post Daphne Caruana Galizia. Darba minnhom kien waħħal fiha u xlieha li kienet qed timmina lill-gvern tiegħu biex taqdi lill-gvern Russu. Dan kien wieħed biss mix-xiljiet patetiċi li kien għamel fil-konfront tagħha. Issa qed jgħid li din kienet ingħatat trattament speċjali paragunat mat-trattament li ngħata hu. Din ma nistax nifhem x’irid jgħid biha. Efimova mhix taħt suspett li abbużat mis-setgħa, li xxaħħmet jew forsi li mmiżapproprjat xi flus. Din kienet ġiet arrestata wara li għamel ilment dak li kien jimpjegaha, liema lment rriżulta li kien gidba. Hi tallega li kienet ġiet trattata ħażin waqt li kienet qed tinżamm taħt arrest. Meta kienet tat ruħha f’idejn il-Pulizija Griega, kienet inżammet il-ħabs għal ġimgħat sħaħ waqt li kienet qed tiddefendi lilha nnifisha f’kawża li l-gvern ta’ Joseph Muscat kien għamel kontriha. Għal darbtejn fuq xulxin, il-qrati tal-Greċja ddikjaraw li Efimova kienet taħtieġ il-protezzjoni għaliex ħajjitha kienet tinsab mhedda. Kontra żewġha nħarġu akkużi foloz li mbagħad tħassru mill-Interpol għar-raġuni li dawn kienu motivati politikament.
Iżda skont Joseph Muscat, ir-Russa ngħatat trattament aħjar minn dak li ngħata hu.
Forsi Joseph Muscat qed jalludi li t-trattament li ngħatat hi huwa aħjar mit-trattament li qed jistenna’ li jkollu ġaladarba l-ġustizzja titħalla taħdem fil-libertà. Jidher li huwa determinat li jiżgura li l-ġustizzja ma titħallhiex tieħu l-kors kollu tagħha. Il-filmat li ġibed jumejn ilu mill-kamra tal-ħasil ta’ daru, is-sena d-dieħla ċertament mhux ser irebbħu xi premju iżda jaf li ċerti persuni ewlenin ser ikunu rawh. Fost l-udjenza hemm (1) l-avukat ġenerali li tkun trid tiddeċiedi għandhiex tmexxi jekk jew meta l-Maġistrat tirrakkomanda l-ħruġ ta’ taħrika, (2) il-kummissarju tal-pulizija, (3) l-uffiċjali li jagħmlu l-arresti li jkunu jridu jiġbruh u jmexxu kontrih u, kemm-il darba naslu s’hawn, (4) il-Maġistrat jew l-Imħallef li quddiemu jinstema’ l-każ.
U jkun appuntu f’dan l-istadju li fih tinbet in-nuqqas ta’ ugwaljanza. Għaliex, kif spjegajt aktar ‘il fuq, kull kriminal jagħmel minn kollox biex jipprova jaħrab mill-ġustizzja. Dan jafuh l-Imħallfin, il-Prosekuturi u l-Pulizija li jkunu tal-affari tagħhom. Iżda l-biċċa l-kbira tal-kriminali m’għandhomx eks prim ministru ma’ saqajhom u hu jagħmel minn kollox biex isalva ġildu, partit leali mmexxi minn brigata u kwantità ta’ trolls lesti għall-qatla.
Il-kriminali (allegati) ilkoll huma ndaqs, iżda….