Kien hemm min għal ftit ma tagħtux puplesija meta l-mistieden tal-Film Awards instema’ jistqarr li Malta magħrufa għall-evażjoni tat-taxxa. Mill-filmati tas-serata li xxandru jidher li, hi u tisma’ din ir-rimarka, l-udjenza ta’ quddiemu baqgħet siekta. Ma jistax jingħad li kien hemm daħk ta’ barra minn hawn għaċ-ċajt l-ieħor li lissen, tafux. Ħafna miċ-ċajtiet il-biċċa l-kbira ta’ dawk preżenti lanqas biss fehmuhom. Il-mistieden deher xi ftit sorpriż u bħal donnu ħa għalih iżda fil-verità, ma kienx ikollu għalfejn jeħodha daqshekk bi kbira li kieku kompla bil-lista ta’ ħwejjeġ li Malta hi magħrufa għalihom.

Il-fatt li l-membri tal-udjenza ma daħkux hekk kif semgħuh jgħid li Malta magħrufa għall-evażjoni tat-taxxa turi mhux biss li għandna nuqqas ta’ sens ta’ umoriżmu. Wera wkoll li, f’moħħ dawk li lmentaw, ir-realtà twassal biss għal dak li jsegwu fuq TVM u fuq il-One TV – żewġ fergħat tal-istess magna qarrieqa.

Tistgħu tibqgħu ċerti li l-kliem “Malta magħrufa għall-evażjoni tat-taxxa” ma kinux jitħallew jixxandru fuq TVM jew One TV. Il-mezzi tax-xandir uffiċjali kienu biss ixandruh dan il-kliem fil-kuntest ta’ ċaħda u kemm-il darba min ikun lissen kliem bħal dawn ikunu mixlijin li qed jittradixxu lill-pajjiż. Kliem bħal dawn jitlissmu biss minn xi ħadd bħal  Bernard Grech “għax dan irid li l-ekonomija tistaġna u jobgħod lin-negozjanti” u oħrajn bħal David Casa u Roberta Metsola, għax dawn “jobogħdu lill-pajjiż” u bħal tradituri u għedewwa oħrajn tal-poplu.

Lill-membri tal-udjenza tat-TVM is-Sibt li għadda, lil David Walliams ppreżentawh bħala parti mill-apparat uffiċjali tal-istat. U dak li jingħad minn min hu ħaġa waħda mal-apparat uffiċjali tal-istat ma jista’ qatt ikun tad-daħk.

X’aktarx li David Walliams ma ntebaħx li min f’dan il-pajjiż joħroġ anki bl-iċken ċajta biex jiddieħak bir-reġim mhux ser jarawh ħelu u jintlaqa’ b’reazzjoni li tixbaħ dik tal-politburo Ċiniż. M’għandix dubju li David Walliams żgur ma kienx jgħaddi l-istess rimarka fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali Ċiniż. U li aċċetta l-istedina biex jiġi hawn Malta għax, taf int, il-problema f’Malta hi li l-kbarat mhumiex magħrufin daqs kemm jippretendu li huma.

Dawn huma ftit mill-ħwejjeġ li tgħallimna mir-reazzjoni bierda tal-pubbliku għall-kliem li għadda Walliams:

L-ewwel, bosta huma dawk il-Maltin li ma jafux li pajjiżna huwa magħruf madwar id-dinja għall-evażjoni tat-taxxa. U hawn qed inkun ħanin. “L-evażjoni tat-taxxa” hawn mhix riferenza għal dawk li jonqsu li jiddikjaraw dħul ta’ flus kontanti li jkunu daħħlu minn xi sahra jew minn xi xogħlijiet żgħar li jkunu wettqu fid-djar. Hi riferenza għal dawk li għandhom jagħtu ammonti kbar f’taxxa f’pajjiżhom u li qed nilqgħuhom hawn biex jevitaw li jħallsu dak li hu dovut minnhom. Dan ilna nagħmluh għal dawn l-aħħar 30 sena.

It-tieni, meta nuru li ma nafux nidħku bina nfusna meta nagħmluha tal-galantomi u ngħinu fl-evażjoni tat-taxxa, inkunu qed nuru wkoll li jew tassew ma nifhmu xejn dwar l-ekonomija Maltija jew inkella li aħna ipokriti tal-prima klassi. Ninqalgħu ferm għal dawn l-affarijiet iżda xorta rriduha tal-verġni, meta ċertament m’aħniex.

It-tielet, Malta magħrufa għal ħafna affarijiet oħrajn li forsi kienu wkoll f’moħħ Walliams iżda kien prudenti wisq biex joqgħod isemmihom. Aħna magħrufin għall-qtil ta’ ġurnalista li kienet kixfet il-korruzzjoni, u jidher li qed nagħmlu minn kollox biex inkunu magħrufin ukoll bħala pajjiż li ma jippermettix lill-Pulizija tiegħu tħarrek fil-qorti eks prim ministru sabiex issir ġustizzja minħabba korruzzjoni ċara u tonda. Naħseb li nhar is-Sibt li għadda l-membri tal-udjenza kienu jogħxew bid-daħk li kieku ċċajta b’dan il-mod.

Ir-raba’, bosta minn dawk li jwettqu xogħol ta’ kwalità f’dan il-pajjiż u li, meta jikkritikaw medjokritajiet bħal dak li seħħ nhar is-Sibt li għadda, jiġu mgħajra li għandhom imneħirhom imxammar u li huma elitisti,  qed jibqgħu b’fommhom sieket. Nhar is-Sibt li għadda kienet okkażjoni tad-deheb għal dawk li jipproduċu films tajbin li kieku ngħataw l-appoġġ  li jingħataw minn gvernijiet ta’ kollegi f’pajjiżi żgħar oħra bħall-Islanda u l-Estonja.

Il-punt tiegħi huwa dan. Jidher li m’għandniex biżżejjed sens intellettwali, emozzjonali u kulturali sabiex napprezzaw l-umoriżmu wara ċ-ċajta li għamel Walliams. Bis-saħħa ta’ din iċ-ċajta, inkixfet il-medjokrità ta’ dawk li jieħdu lilhom infushom wisq aktar bis-serjetà milli jmisshom. Iva, f’dan pajjiżna jeżistu żewġ Maltiet u r-raġuni wara din il-firda mhix – kif jimmaġinaw li hi s-soċjalisti – waħda ekonomika. Mhix dwar min għandu f’idejh il-mezzi ta’ produzzjoni. Hi dwar min m’għandux il-ħila emozzjonali u intellettwali li jara aktar ‘il bogħod mid-dinja ċkejkna li jimirħu fiha Jason Micallef u sħabu. F’dan l-univers ċkejken u magħluq tagħna, l-kbarat mhumiex dawk li għandhom, iżda dawk li m’għandhomx.

Il-qasma hi waħda kulturali u prova ħajja tal-eżistenza tagħha kienet is-serata tas-Sibt li għadda. In-nies li jagħmlu l-films – dawk li l-ħila artistika tagħhom tirrikonoxxi r-realtajiet soċjali tagħna, li jlaqqtu r-riżorsi kif jistgħu biex ipinġu stampa dwar ħajjitna, li jirrakkuntaw l-istorja ta’ niesna u dwar kif ngħixu – ma kinux fis-sala dakinhar. Li kieku kienu preżenti, iċ-ċajt kienu jifhmuh u japprezzawh u kienu jidħku, u x’aktarx kienu joħorġu b’ċajt li kien iqanqalna aktar, li jweġġa’ aktar u li jikxfilna l-ipokreziji aktar minn dak li, b’ħila kbira, jiċċajta dwar pajjiżu iżda li ma jistax jifhem li aħna żgħar wisq biex nidħku bina nfusna.

Nhar is-Sibt f’dik is-sala kien hemm min ifaqqa’ subgħajh u dlonk jingħata mijiet ta’ eluf – hawn min jgħid miljuni – ta’ ewro mill-kaxxa ta’ Malta biex jonfoqhom kif jidhirlu u dan bla ma jagħti rendikont. Għax jafu li jistgħu jiġu, jaqgħu u jqumu bla xkiel ta’ xejn. Iċ-ċajt la jifhmuh u lanqas japprezzawh, iżda ċertament jafu meta għandhom iċapċpu. Iċapċpu lill-ministri tal-gvern u lil sħabhom tal-qalba u lill-propaganda statali li taparsi tmexxi ‘l quddiem xogħlijiet ta’ arti. Jikkoperaw fil-gidba tal-istorja uffiċjali u jibqgħu lura milli jistaqsu dwar kwistjonijiet li tiffaċja s-soċjetà u taparsi jiskantaw meta jkun hemm xi ħadd li bil-prudenza kollha jsemmi l-evażjoni tat-taxxa, jew xi ħaġa agħar minn hekk.

L-artisti nixfin mill-flus, bl-ideat għal films li juru, li jistaqsu, li jisfidaw u li jbiddlu s-soċjetà li ngħixu fiha, qed jitwaqqgħu għaż-żuffjett u jitlaqqmu bħala l-establishment, bħala elitisti, bħala dawk ta’ mneħirhom imxammar. Dawn mhux talli ma jirbħux premji u rikonoxximenti, iżda jiġu mċaħħda mir-riżorsi li jeżistu li jgħinuhom iwettqu xogħolhom. U dawk ir-riżorsi mbagħad qed jingħataw lil min jagħmel propaganda għar-reġim.

Tista’ tiġik f’moħħok raġuni waħda għala Mario Philip Azzopardi għandu jingħata premju għall-karriera fl-arti?

Jekk ma ndunajtux, ħa nfakkarkom ftit. Iċ-ċinema uffiċjali, l-esklużjoni tal-produtturi ta’ films indipendenti, kitbiet aċċettati mill-istat għal films li juru n-narrattiva tal-istorja kif jixtieq li tiġi interpretata min hu fil-gvern, u l-preżenza grotteska ta’ uffiċjali tal-gvern fl-isfera li suppost fiha biss artisti: din kienet il-metodoloġija li kien juża Joseph Goebbels u li ġiet ikkupjata mir-Russja Sovjetika u mis-satelliti tagħha.

Issa li kieku Walliams introduċa lil Norma Saliba bħala waħda li taspira li tkun bħal Leni Riefenstahl, anki jien kont ninfaqa’ nidħak.

Kif seta’ kien jaf?