S’issa, l-Avukat Ġenerali baqgħet tinjora s-sejħiet pubbliċi li sarulha, anki mill-Oppożizzjoni Parlamentari, sabiex tispjega d-deċiżjoni li ħadet biex tiftiehem ma’ bniedem li eventwalment ammetta li fl-2010 kien ħa sehem f’serqa awdaċi u vjolenti. Darren Debono mhux biss għamel attentat biex jisraq. Hu u jipprova jaħrab, spara diversi drabi b’armi lejn uffiċjali tal-pulizija li ppruvaw iwaqqfuh. Uħud mill-balal laħqu l-mira tagħhom. U kompla jispara sakemm huwa stess intlaqat b’tir.
Kull darba li jintlaħqu ftehim bħal dan, x’aktarx li ta’ sikwit tqum xi kwistjoni, iżda dan ma jfissirx li ftehim ta’ din ix-xorta m’għandhom jintlaħqu qatt. Meta jintlaħaq ftehim bħal dan, il-kastig ikun wieħed inqas iebes minn dak li titlob il-liġi f’każ ta’ reati simili. Ta’ sikwit, l-akkużat jammetti li jkun wettaq reat inqas serju minn dak li jkun mixli bih (li jfisser li l-piena tkun inqas ħarxa), u jingħata kastig għar-reat li jkun ammetta li wettaq filwaqt li l-akkużi dwar reati aktar gravi jitwaqqgħu.
Jeżistu żewġ raġunijiet għala tista’ taħdem sistema bħal din.
L-ewwel nett, il-proċess ta’ ġuri jqum il-flus u hemm wkoll element ta’ riskju. Il-prosekutur jidħol għall-ġuri b’miżura ta’ ottimiżmu li, bis-saħħa tal-kwalità tal-provi li jkollu f’idejh, jista’ jwassal biex il-qorti ssib ħtija fil-mixli. Iżda qabel il-ġurati jaslu għal verdett, ma tistax tagħmilha fatta. Jekk kollox imur żmerċ waqt il-ġuri u jiddaħħlu biżżejjed dubji fl-imħuħ tal-ġurati, l-akkużat jaf jiġi liberat u ma jkunx jista’ jerġa’ jiġi akkużat bl-istess reati. Għaldaqstant meta jintlaħaq ftehim bħal dan dwar akkuża inqas serja, ikun hemm ammissjoni ta’ ħtija u aktar ċertezza. Kultant ikun aħjar li jkollok għasfur f’idejk milli mija fl-ajru, bir-riskju li jintilef kollox.
It-tieni, huma u jinnegozjaw, ikun hemm ċans li l-prosekuturi jiksbu l-impenn tal-akkużat biex jixhed kontra l-kompliċi u kontra dawk li jkunu qabbduhom. Għaldaqstant kastig inqas sever għal kriminal wieħed tagħmel tajjeb għalih kundanna u piena massima għall-kriminali l-oħrajn involuti.
Il-każ ta’ Darren Debono u l-attentat tas-serqa tal-HSBC fl-2010 huwa pjuttost differenti.
- Mhumiex ser jiġu ffrankanti l-ispejjeż ta’ ġuri għaliex il-ftehim li ntlaħaq huwa biss dwar wieħed miż-żewġ akkużati. Il-ġuri ta’ Vince Muscat il-Koħħu jeħtieġ li jsir xorta waħda. Għaldaqstant, l-ispejjeż ta’ ġuri mhumiex ser ikunu evitati.
- Il-prosekuzzjoni ma tista’ qatt tkun ċerta mija fil-mija, iżda f’dan il-każ ma kien hemm ebda dubju li Darren Debono kien wieħed mill-ħallelin li ħa sehem bl-isparar ta’ armi fl-attentat. Dan kien ħarab minn fuq il-post tal-attentat u kien intlaqat b’balla fil-ġog u l-pulizija li kien fil-mira iżda li għadu mimli bil-għomor, tkellem dwar dak li kien għadda minnu. Dan kien ġie arrestat fil-klinika tat-tabib li kien qed idewwih għall-feriti li ġarrab. Il-balla sparata mill-arma tal-pulizija għadha sal-lum fil-ġog ta’ Debono. F’każ bħal dan, il-prosekuturi ma misshomx kellhom biża’ li dan seta’ b’xi mod joħroġ liberat. Diffiċli jkollok każ daqshekk ċar u tond.
- L-allegat moħħ wara l-attentat tas-serqa tal-HSBC tal-2010 kien diġà għadda ġuri u nħeles. Il-każ tal-Istat kontra David Gatt seta’ ssaħħah bis-saħħa ta’ xhieda mogħtija minn dawk ta’ taħtu, iżda issa dak l-għasfur ilu li tar.
- Darren Debono jidher li huwa xhud utli għall-każ li l-Istat għandu kontra Vince Muscat il-Koħħu, li kien qaddej indaqs jew forsi anki inqas minnu fis-serqa. M’għandi l-ebda interess li Vince Muscat jeħlisha ħafif u jalla jieħu dak li ħaqqu mhux biss għal dan ir-reat imma għar-reati kollha li wettaq. Imma li tippermetti li wieħed mill-qaddejja titnaqqaslu l-piena biex jeħel qaddej ieħor xejn ma ddoqqli. Debono kien mixli b’attentat ta’ qtil li, skont il-liġi tal-2010, issarraf f’piena ta’ 30 sena ħabs. Minflok 30 sena ħabs, ser jagħmel 10.
Imbagħad hemm ukoll kwistjonijiet oħrajn. Wieħed minn dawn huwa ta’ xeħta kemmxejn emozzjonali aktar milli ta’ xeħta razzjonali, iżda ġaladarba r-raġunijiet li fuqhom ġie msejjes il-ftehim huma daqstant dgħajfa, l-emozzjoni ċertament ma tistax tiġi injorata.
Bla dubju l-korp tal-pulizija mhuwiex sodisfatt b’dan il-ftehim. Darren Debono kien spara fuq membri tal-korp tal-pulizija. Li kieku dakinhar il-mira tiegħu kienet aktar preċiża, kien jasal biex joqtol. L-Għaqda tal-pulizija tkellmet dwar is-“sogħba u d-diżapput” u ddeskriviet id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali bħala waħda li qed tikkawża demotivazzjoni kbira fost l-uffiċjali. Dan lili ma skantani xejn.
Il-fatt li l-prosekutur aċċetta li jwaqqa’ għalkollox akkuża kontra Debono dwar attentat ta’ qtil ta’ pulizija tweġġa’ mhux biss dawk l-uffiċjali li kienu preżenti dakinhar, iżda wkoll l-uffiċjali kollha li jaqdu dmirhom kuljum, kompriż Ħdud u festi. Issa jafu li l-prosekutur jkun lest li jaqbeż għalihom biss kemm-il darba jkun jaqbillu mil-lat tattiku. Minn issa ‘l quddiem, kull min jispara fuq membri tal-korp tal-pulizija li jkunu qed jippruvaw iwaqqfuh milli jwettaq reat, jista’ jippretendi li ma jiġix mixli b’dak ir-reat jekk ikollu xi ħaġa x’joffri lill-prosekuzzjoni. L-Avukat Ġenerali hawn qabżet linja li ma kellhiex taqbiżha.
L-espressjoni “ieqaf, il-pulizija hawn!” issa ngħatat tifsira ġdida u ironika.
Imbagħad hemm il-fatt li meta tnaqqis tal-piena bi tpartit ma’ provi limitati ħafna mhuwiex l-aħjar mod possibbli kif tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata. Ippermettuli nispjega.
L-ewwelnett, Darren Debono għad irid jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Vince Muscat il-Koħħu. Ma nafux x’biħsiebu jixhed. B’differenza għall-Koħħu u għall-aħwa Degiorgio, Darren Debono ma tantx tkellem dwar l-informazzjoni li jista’ għandu dwar min aktar kien involut fl-attentat tas-serqa tal-HSBC. Dan jista’ jfisser li hu mhux biħsiebu jgħid aktar milli jikkonferma biss l-involviment ta’ Vince Muscat jew jista’ jfisser li, b’sens ċiviku qawwi, ser iniżżel lil kulħadd miegħu. Aħfruli li jiena xi ftit xettiku.
It-tieni, jeħtieġ li ma ninsewx li David Gatt kien ġie liberat mill-akkuża li kien il-moħħ wara l-attentat tas-serqa u li għaldaqstant għandu kull dritt jinsisti mal-ġurati li dawn m’għandhomx jemmnu x-xhieda li kienet nstemgħet kontrih fil-ġuri tiegħu. Jeħtieġ li niftakru wkoll li uffiċjal tal-pulizija f’dak il-każ kien xehed li David Gatt kien imexxi grupp ta’ mafjużi tal-istess għamla tal-kriminalità organizzata ta’ Sqallija jew ta’ New Jersey skont kif David Gatt kien jidhrilu li għandha titmexxa. Forsi dan kollu m’għadux jiswa’ biex jiġi proċessat il-moħħ wara t-twettiq ta’ dan ir-reat, iżda hija informazzjoni li wieħed għandu dejjem iżomm f’moħħu meta niftakru li l-prosekuzzjoni qed tissielet kontra organizzazzjoni mafjuża. Ma jidhrix li minn dak li stqarret l-Avukat Ġenerali nistgħu nserrħu rasna li qabel iffirmat il-ftehim ma’ Darren Debono qieset dawn iċ-ċirkostanzi kollha.
Fejn għandha x’taqsam il-kriminalità mafjuża, l-istat – x’aktarx fuq parir tal-Avukat Ġenerali – baqa’ jirrifjuta l-offerta ta’ Vince Muscat il-Koħħu u tal-aħwa Degiorgio biex isir ftehim magħhom bil-għan li dawn ikunu liberi li jixhdu dwar l-attentat tas-serq tal-HSBC u dwar l-allegat involviment tal-Ministru preżenti Carmelo Abela u l-ex Ministru Chris Cardona.
Irrid nagħmilha ċara li ma jfissirx li dak li qalu Muscat jew l-aħwa Degiorgio dwar dawn il-politiċi hi mis-sewwa. Iżda jibqa’ l-fatt li dawn l-allegazzjonijiet saru f’kuntest li ilu żmien twil jinteressa lill-pulizija u dan minn qabel tkellmu dawk it-tlieta. Carmelo Abela kien jokkupa pożizzjoni strateġika fil-bank u kien f’pożizzjoni jgħin minn ġewwa fl-attentat tas-serq. Ir-rabta mill-qrib ta’ Chris Cardona ma’ David Gatt hija ħaġa magħrufa sewwa. Il-pulizija kienu investigaw l-allegazzjoni li kien Chris Cardona li għen lil Darren Debono jidentifika tabib biex idewwilu l-ġog imfarrak li kellu.
David Gatt, Carmelo Abela, u Chris Cardona baqgħu jiċħdu bil-qawwa li kellhom x’jaqsmu ma’ dan il-każ.
L-Avukat Ġenerali għandha tgħidilna jekk il-ftehim li ntlaħaq ma’ Darren Debono kienx intenzjonat li jqarribna lejn il-verità jew jekk huwiex ser ibiegħedna minnha. Tgħid Darren Debono ngħata tnaqqis fil-piena li ħaqqu biex ikun jista’ jixhed u jmeri dak li qed jistqarru l-kompliċi tiegħu dwar dawk li jinsabu fi skaluni aktar ‘il fuq fil-konġura?
Tgħid il-prinċipju li l-istat jeħtieġ jaħdem b’ħiltu kollha meta ħajjet uffiċjali tal-pulizija titqiegħed fil-periklu minn kriminali ġie sagrifikat biex b’hekk jingħataw il-kenn ċerti politiċi, li mbagħad ma jkollhomx għalfejn iħallsu għal għemilhom?
Fiċ-ċirkostanzi preżenti, dawn huma mistoqsijiet leġittimi. Huma mistoqsijiet leġittimi wkoll minħabba l-kultura li teżisti fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Victoria Buttigieg laħqet wara Peter Grech u għal bosta snin kienet deputat tiegħu. Dak iż-żmien, Peter Grech, kif kien ammetta huwa stess, kien ta parir lill-pulizija biex jimxu b’pass ta’ nemla meta dawn kienu qed jinvestigaw l-iskandlu tal-Panama Papers – skandlu li seta’ jimplika politiċi bħal Keith Schembri u Konrad Mizzi. Dak kien ukoll iż-żmien li fih l-Avukat Ġenerali Peter Grech kien deherlu li s-servers tal-kompjuters ta’ Nexia BT ma kellhomx jiġu sekwestrati biex ma jkunx hemm “wisq indħil”.
Għaldaqstant għandna għalxiex nissusspettaw li fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali l-priorità baqgħet l-protezzjoni tal-politiċi minkejja l-bidla fit-tmun tal-uffiċċju.
Bħal ta’ qabilha, Victoria Buttigieg tagħżel is-skiet u tinjora lill-kritiċi. L-Avukat Ġenerali ma tistax titkeċċa kif ġieb u laħaq. L-ebda kritika, l-ebda kummentatur, l-ebda politiku tal-Oppożizzjoni ma jista’ jhedded il-pożizzjoni tagħha tagħmel x’tagħmel jew tgħid x’tgħid.
Iżda dan ma jfissirx li m’għandhiex ir-responsabbiltà li tagħti rendikont tagħha nfisha lill-pubbliku. Anzi, bil-maqlub. Għandha responsabbiltà akbar li tkun trasparenti għaliex ma tiddependix mill-voti u mhix kontabbli lejn xi awtorità aktar għolja.
Dr Buttigieg, jekk jogħġbok, agħtina t-tweġibiet tiegħek.