Il-gvern jidher li ser iħabbar it-twaqqif ta’ bord bil-għan li jiġu mwettqa r-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Deċiżjoni bħal din għandha tidher bħala waħda tajba. U jidher li hekk jixtiquna nqisuha. Iżda jidher li l-gvern jinsab moħħu biex itellef il-kuntest.

Ir-rapport tal-Imħallfin tal-inkjesta xxandar f’Lulju li għadda, jiġifieri, sitt xhur ilu. Fih numru ta’ rakkomandazzjonijiet, li s’issa l-ebda wieħed minnhom ma twettaq. Dan ifisser li l-gvern dam 6 xhur sħaħ biex iwaqqaf kumitat. Dan kien kulma għamel il-gvern f’dawn l-aħħar 6 xhur.

Infakkar li Robert Abela kien qal li jinsab inkwetat li l-inkjesta kienet qed tieħu wisq fit-tul biex tintemm. L-Imħallfin semgħu għexieren ta’ xhieda. Dawn irriċerkaw, ikkonsultaw, anki ma’ esperti internazzjonali, mexxew sigħat sħaħ ta’ seduti bil-miftuħ u niedew rapport dettaljat b’sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet sostanzjali u studjati.

F’temp ta’ sitt xhur, il-gvern kellu biss il-ħila li jaħtar kumitat.

U naqta’ rasi taħt mannara li din il-ħatra għamluha għaliex ħassew ruħhom imbarazzati hekk kif intebħu li l-Oppożizzjoni ħejjiet abbozz ta’ liġi li jwassal għall-bidliet legali li rrakkomandaw l-Imħallfin tal-inkjesta.

Illum Edward Zammit Lewis, li jridha ta’ xi riformatur ewlieni, stqarr li l-gvern lest li jappoġġja l-proposti tal-Oppożizzjoni jekk dawn “jagħmlu sens”.  Jekk, Sur Ministru? Jekk? Bi kliemek m’intix tinsinwa li tal-PN qed jissuġġerixxu xi ħaġa li ma tagħmilx sens. Dan qed timplikah dwar il-membri tal-bord tal-inkjesta.

Sitt xhur minn kemm ilha li ntemmet l-inkjesta u għadhom lanqas biss irrikonoxxew il-validità ta’ wieħed mill-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport: jiġifieri li Malta nħakmet mill-mafja u li jeħtieġ li ngħaddu liġijiet anti-mafja biex niġġildulha. Minħabba s-skiet li jtarrax tal-gvern dwar dan is-suġġett, nifhem li dan huwa dak li jrid ifisser Edward Zammit Lewis bil-“jekk” tiegħu. Dawn biħsiebhom jgħidu li l-mafja ma teżistix u li għaldaqstant id-dħul ta’ liġi anti-mafja ma tagħmilx sens. Kull min iżomm fommu sieket dwar il-mafja, stenna li ser jiċħad l-eżistenza tagħha. Iħarsuha bis-skiet. Dik hi s-sistema. Tissejjaħ omertà.

X’inċentiv għandhom dawn li jgħaddu liġi li taf teqred l-istruttura ta’ skiet u ta’ impunità li ilha tipproteġihom għal żmien twil?

Il-bord li ser jinħatar ser jiffoka fuq kwistjonijiet oħrajn. Daphne nqatlet minħabba l-ħakma tal-mafja li żgurat l-impunità tagħha. Iżda nqatlet ukoll għax kienet ġurnalista. Ir-rimedji li ssuġġerew l-Imħallfin tal-inkjesta biex titjieb is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti f’Malta mhumiex kumplessi.

Dawn li ġejjin huma xi punti li semma’ Jacob Borg ftit wara li xxandar ir-rapport:

  • Għandu jinħatar kumitat ta’ esperti biex jeżamina u jifli l-istat tal-ġurnaliżmu f’Malta.
  • Għandu jitwaqqaf qafas legali biex jiġu mħarsa l-ġurnalisti u sabiex jiżgura li l-professjoni tkun tista’ tirregola  lilha nnfisha.
  • Il-gvern għandu jqassam ir-reklamar fil-mexxi tax-xandir b’mod ġust.
  • Għandhom isiru emendi fl-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni sabiex titrażżan il-kultura ta’ kunfidenzjalità u segretezza li tinġieb bi skuża tal-privatezza u tas-sensittività kummerċjali.
  • Għandhom isiru emendi għal-liġijiet kostituzzjonali li jirregolaw lill-Awtorità tax-Xandir u, skont l-Imħallfin tal-inkjesta, ix-xandar pubbliku naqas fid-dmir li jirrapporta b’mod imparzjali u meta naqas li jirraporta b’mod adegwat dwar l-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni.
  • Għandu jitnieda kodiċi ta’ etika għall-ġurnalisti.
  • Għandu jinħatar kummissarju indipendenti għall-ġurnaliżmu bil-għan li jiġu mwettqa liġijiet u regoli mfassla biex iħarsu l-indipendenza tal-midja, is-sigurtà tal-ġurnalisti u d-dritt għall-informazzjoni.
  • Għandha ssir emenda kostituzzjonali biex jiġi rikonoxxut id-dritt li individwu jirċievi tagħrif mingħand l-istat u mingħand l-amministrazzjoni pubblika, u l-obbligu li jingħata dan it-tagħrif.
  • Emenda kostituzzjonali li permezz tagħha jiġi rikonoxxut li l-ġurnaliżmu huwa wieħed mill-pilastri ta’ soċjetà demokratika u li l-istat fid-dmir li jiggarantih u jħarsu.
  • Għandha titwaqqaf fergħa tal-pulizija li xogħolha jkun biss li tidentifika theddid fil-konfront tal-ġurnalisti.
  • Il-pulizija għandha tagħti piż lix-xogħol investigattiv tal-ġurnalist, u għandha tinvestiga minnufih kull allegazzjoni li ssir.

M’għandi xejn kontra l-ħatra ta’ kumitat ta’ esperti li għandu jagħti pariri lill-gvern dwar kif jistgħu jitwettqu dawn il-miżuri. Iżda l-gvern l-għala baqa’ m’għamel xejn tul dawn l-aħħar 6 xhur? Għala ma waqqafx dan il-kumitat ftit wara li l-Imħallfin tal-inkjesta xandru r-rapport tagħhom?

Aħfruli jekk qed ninstema’ xi ftit negattiv fil-kritika tiegħi meta jidher li l-affarijiet jinsabu mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Il-problema hi li m’aħniex fit-triq it-tajba.

Bħalissa hawn xniegħa ta’ min jorbot fuqha li fost il-membri ta’ dan il-bord li ser jagħti pariri lill-gvern, ser jkun hemm Saviour Balzan. Kienu ta’ The Shift News li xandru din l-aħbar. Kienet waħda minn dawk il-kixfiet ġurnalistiċi li jaqsmulek qalbek.

Biħsiebni nikteb dwar il-ħatra ta’ Saviour Balzan.