KONFERMA: 16:20 Il-gvern ħabbar li Saviour Balzan inħatar tabilħaqq bħala membru ta’ kumitat ta’ esperti li ser jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar it-twettiq tal-konklużjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ikompli hawn.

Ix-xniegħa li hawn bħalissa dwar il-ħatra ta’ Saviour Balzan fuq kumitat ta’ esperti li għandu jissorvelja t-twettiq tal-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bil-għan li jiġu mħarsa l-ġurnalisti – li kieku kellha sseħħ –  m’hix deċiżjoni li ttieħdet bi żball.

Malli l-PN ġiegħel lill-gvern jqum mir-raqda, hekk kif xandar sensiela ta’ abbozzi ta’ liġijiet, kien jinħatar għall-istess raġuni għaliex il-gvern baqa’ m’għamel assolutament xejn dwar il-konklużjonijiet li nġibdu mill-Imħallfin tal-inkjesta. Il-gvern baqa’ jkaxkar saqajh għal dan iż-żmien kollu appuntu għaliex ma jrid jagħmel xejn dwar dak li rrakkomandaw l-Imħallfin 6 xhur ilu.

Hemm għalfejn insemmi eżempji?

Biżżejjed li wieħed iqabbel ir-rekord ta’ Saviour Balzan ma’ wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta (u li jinsabu elenkati fl-ewwel taqsima ta’ din il-kitba).

L-Imħallfin tal-inkjesta rrakkomandaw li għandhom isiru emendi lill-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni u dan sabiex titrażżan il-kultura tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza li ngħata spinta bl-iskuża tas-sensittività kummerċjali u privata. Emendi bħal dawn għandhom ċertament jinkwietaw lil Saviour Balzan li għandu sigrieti kummerċjali li bħalissa jinkludu dak li The Shift News jallega li jammonta għal “madwar €1 miljun f’kemm jiswew kuntratti tal-gvern (imħallsa lil Saviour Balzan) taħt gvern Laburista.” Dan kien kollox barra trasparenti u qiegħed igawdi mis-segretezza imposta mill-gvern. Segretezza li m’hu ser jagħmel xejn biex irażżanha.

Inqgħu ċerti li m’hux ser juri xi żelu jew ħrara biex iwettaq rakkomandazzjoni oħra tal-Imħallfin sabiex “jiġi żgurat li r-riklamar tal-gvern jitqassam b’mod ġust u ekwu”. Kien bis-saħħa tal-inġustizzji fit-tqassim tar-riklamar tal-gvern li gawda Saviour Balzan. Hekk biss jista’ jpartat l-akbar arma li għandu bħala sid ta’ ġurnali: s-skiet.

Saviour Balzan mexxa’ lill-ġurnali tiegħu bħallikieku kien qed imexxi servizz ta’ protezzjoni. Dan kien deher ċar b’mod speċjali fiż-żmien li kien għadu qed jikkontrolla l-kontenut tal-editorjali tal-ġurnali tiegħu. Jaħdmu miegħu kellu u għad għandu numru ta’ ġurnalisti tajbin u ta’ kwalità – dan insostnieh mingħajr ebda riserva. U bis-saħħa ta’ dawn il-kwalitajiet tajbin, il-ġurnali tiegħu ta’ spiss kienu jitfgħu dawl u jagħmlu kritika lil dawk li kellhom u għad għandhom is-setgħa.

Sakemm, però, ma kienu jaċċettaw l-offerta ta’ Savour Balzan li jitħallsu kemm il-darba jxandru rapporti aktar pożittivi fil-konfront tas-setgħa. Din is-sistema Balzan ma ħoloqhiex kemm ilhom li telgħu fil-gvern tal-Labour.  Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li jien kont ktibt qabel l-2013. Kont kxift li fiż-żmien li l-gvern kien qed jirċievi kritika ħarxa dwar il-proġett Central Link, Saviour Balzan kien qed jaġixxi bħala konsulent dwar ir-relazzjonijiet pubbliċi tal-gvern. Ġurnalist li kien qed jagħmilha ta’ konsulent dwar ir-relazzjonijiet pubbliċi tal-gvern.

Xi ħadd bħal dan għandu bżonn il-bord li nħatar biex iwettaq ir-riformi rakkomandati mill-Imħallfin tal-inkjesta! Tabilħaqq tista’ kważi kważi tara lil Robert Abela u lil dawk ta’ madwaru bi tbissima mqarba fuq fommhom huma u jaħtru lil Saviour Balzan.

Robert Abela seta’ staqsa: ‘tistgħu ssemmu ġurnalist li ssemma’ lill-Imħallfin tal-inkjesta?’

Sur Prim Ministru, nfakkrek ftit x’kien qal Keith Schembri lill-Imħallfin tal-inkjesta:

3.02pm Schembri jintalab jikkummenta dwar laqgħa li kellu mal-ġurnalisti. Jgħid li wħud minnhom kienu aktar qrib tiegħu minn oħrajn. 

 Qatt tkellem magħhom dwar il-Pilatus Bank u dwar il- Panama Papers?

 Schembri: Qatt ma tkellimt dwar kwistonijiet li għandi x’naqsam magħhom jien.

 Igħid li ċerti ġurnalisti kienu jeżiġu xi affarijiet u kienu jagħmlu pressjoni. 

 Igħid li “għandha ssir distinzjoni bejn il-ġurnalisti u l-lobbyists”. Ma jistgħux jaqbdu u jiġu fl-uffiċċju tiegħi biex jitolbu xi ħaġa. U l-Ħadd ta wara, b’kitbiethom kienu jippruvaw jagħmlu pressjoni.”

 Comodini Cachia titlob li jissemmew l-ismijiet.

 Schembri: (L-editur tal-Malta Today) Saviour Balzan kemm il-darba ġie għandi b’talbiet biex nagħtih programmi (televiżivi). Kien jiġi ta’ spiss. Kien jagħmel il-lobbying għal ċerti kumpanniji. Issa naf x’ser insib ma’ wiċċi l-Ħadd li ġej! 

‘Tal-ġenn. Mela ejjew naħtru lil Saviour Balzan fuq il-bord. Lil xi ħadd bħal dan għandna bżonn. U dan lanqas m’hu meqjus bħala ġurnalist.  Saħansitra anki Keith Schembri kien tal-istess fehma. Fittex ibda’ ikteb iċ-ċekkijiet.’

L-Imħallfin tal-inkjesta rrakkomandaw li għandhom isiru emendi lill-Att dwar ix-Xandir għaliex irriżultalhom li x-xandir pubbliku kien naqas meta baqa’ jinjora għal kollox il-kitba ta’ Daphne. L-Imħallfin tal-inkjesta ma kellhomx għalfejn joqgħodu jsemmu l-fatt li wieħed mill-ftit preżentaturi ta’ programmi fuq TVM li seta’ u kien imissu tkellem dwar dak li kienet qed tikxef Daphne kien appuntu Saviour Balzan.

Ħadd ma jiskanta li, kull meta seta’, l-istejjer li kienet qed tikxef Daphne baqa’ jinjorahom u, sa ftit wara li nqatlet, Balzan lanqas biss kien ikollu l-kuraġġ li jsemmi isimha. Kien jikteb biss biex jipprova jiskredita l-kitbiet tagħha u, ta’ lagħqi li hu, kien jagħti l-akbar pubbliċità lil Joseph Muscat, lil Michelle Muscat u lil Konrad Mizzi.

Tistgħu qatt timmaġinaw lil Saviour Balzan jitmasħan favur id-dħul tal-liġi kontra l-iSLAPPs – jiġifieri l-abbuż tas-sistema tal-libelli bil-għan li jiġu ntimidati l-ġurnalisti, biex dawn jissikktu jew biex jinqatgħalhom nifishom? Jien ma nistax nimmaġinah għaliex kien Saviour Balzan innifsu li kien għamel użu sħiħ mill-iSLAPPs. Tiftakru meta kien ħarrek lil Daphne Caruana Galizia talli din kienet kitbet dwar id-diskursati fuq it-telefon li kien ikollu kmieni filgħodu ma’ Keith Schembri, liema diskursati kien ċaħadhom u dan minkejja l-fatt li kien jaf li dak li kienet kitbet kien kollu minnu? Il-kawża li kien għamel kienet waħda vessatorja bil-għan li jipprova jiskredita ġurnalista talli din kienet ażżardat tikteb storja li kienet minnha.

Il-politiċi ma jridux li jitneħħielhom il-jedd li jagħmlu kawżi vessatorji kontra l-ġurnalisti. Għaldaqstant għandhom lil qaddej bħalma hu Saviour Balzan biex jara li din is-sistema abbużiva tibqa’ fis-seħħ. L-abbozz ta’ liġi kontra l-iSLAPP li tfassal apposta ilu żmien twil jiġma t-trab. U issa iridu li t-trab ikompli jinġema’.

Nagħmilha ċara li jien mhux qed nistenna’ li kumitat maħluq biex jippromwovi l-libertà tal-istampa fost il-membri tiegħu għandu jkollu persuni li jaqblu fuq kollox, jew li ma jaqblu fuq xejn jew li anki ma jitħamlux bejniethom huma u jaħdmu għalenija biex jilħqu skop wieħed. Jekk dan hu appuntu dak li jistenna’ ħaddieħor – kif jista’ jkun il-każ – wieħed għandu jifhem kif xi ħadd bħali ma jista’ qatt ikun membru fuq dan il-bord.

Saviour Balzan m’għandux ikun membru fuq il-bord mhux għaliex għandu fehmiet differenti minn tiegħi jew għaliex jien u hu qatt ma rajna għajn m’għajn. Dan il-bniedem wera’ kemm il-darba li mhux biss m’għandu ebda impenn konsistenti favur il-libertà tal-istampa. Iżda li ukoll qed ikun ta’ ħsara għall-professjoni tal-ġurnaliżmu.

Kull darba li kien igħajjar lil Daphne Caruana Galizia u jinsulentaha b’aġġettivi bħal ‘queen of bile’, seta’ jitkellem għall-professjoni ġurnalistika f’Malta dejjem inqas.

Għaldaqstant l-għażla tiegħu kienet waħda ideali għall-gvern.