Ma naħsibx li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg issa ser tikkonsidra li twarrab.

Is-sena li għaddiet, Vince Muscat il-Koħħu kien ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-Avukat Ġenerali kien qabel li Vince Muscat kellu jingħata piena mnaqqsa għad-delitt ta’ qtil (15-il sena minflok ħabs għal għomru) u dan bil-patt li jixhed kontra l-kompliċi tiegħu. Ix-xhieda tiegħu saħħet il-każ tal-Istat kontra l-qattiela l-oħra (l-aħwa Degiorgio) u ppermetta lill-Istat li jmexxi wkoll kontra l-kompliċi l-oħrajn li sa dakinhar ftit kien hemm provi li setgħu jinġiebu kontrihom (l-aħwa tal-Maksar u Jamie Vella).

Vince Muscat (u l-aħwa Degiorgio) kienu ammettew l-involviment tagħhom fl-attentat ta’ serq armat tal-2010 mill-HSBC meta kienu ġew sparati tiri lejn uffiċjali tal-pulizija li kienu għassa mal-bank. Fost l-allegati kompliċi fid-delitt, dawn semmew lill-eks Ministru Chris Cardona u lill-Ministru Carmelo Abela. Dawn ftiehmu wkoll li jixhdu kontra l-allegati kompliċi tagħhom bil-patt li jingħataw proklama. Iżda din it-talba tagħhom għall-ħruġ ta’ proklama ġiet miċħuda.

Kmieni din is-sena, Vince Muscat u Darren Debono kellhom jgħaddu ġuri mixlijin b’kompliċità fl-attentat tas-serq mill-bank. Darren Debono kellu jiġi mixli b’attentat ta’ qtil. M’hemmx dubju li dan kien fuq il-post tad-delitt għaliex balla sparata minn arma li kienet f’idejn uffiċjal tal-pulizija spiċċat f’rasu u kien ġie arrestat hu u jingħata l-kura medika.

Lejliet il-ġuri, l-Avukat Ġenerali ħabbret li l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil kontra Darren Debono, li kien ammetta l-akkużi l-oħra, kienet ser titħassar u ġie kundannat għal 10 snin ħabs (minflok 30 sena li kieku nstab ħati ta’ attentat ta’ qtil). Mid-dehra, dan l-arranġament seħħ għaliex Darren Debono wera ruħu dispost li jixhed kontra l-kompliċi tiegħu. L-uffiċjali tal-pulizija – dawk li ħassew il-balal sparati mill-arma ta’ Darren Debono iżarżru ma’ widnejhom kif ukoll dawk li ma ħassewhomx – tgħidx kemm irrabjaw bl-imġiba tal-Avukat Ġenerali li wriet li kienet lesta li f’isimhom tpartat il-ġustizzja ma’ dak li kellha f’moħħha li takkwista. Xi drabi ikun hemm prezz x’jitħallas biex issir ġustizzja u l-prezz ta’ sikwit ikun wieħed inġust. Madankollu, din il-proklama ma ġabet magħha ebda ġustizzja. Għallinqas hekk jidher.

Illum Darren Debono ttella’ l-qorti u stqarr li kien lest li jixhed li Vince Muscat kien kompliċi fid-delitt. Huwa stqarr ukoll li kien hemm kompliċi oħrajn iżda li ma kienx lest li jsemmihom. Jekk il-kwistjoni ser tieqaf hawn, dan allura jfisser li kulħadd ikun baqa’ b’li ħa. Vince Muscat kien diġà ammetta l-involviment tiegħu fl-attentat tas-serq. Ma kellna bżonn ebda xhud stilla tal-prosekuzzjoni biex jikkonferma dak li kien diġà ġie ammess. U Darren Debono ma seta’ qatt ikun xhud stilla minħabba l-fatt li fl-imgħoddi kemm-il darba nqabad jigdeb fil-qorti. Peress li mhux lest li jikxef aktar kompliċi, il-piena mnaqqsa li akkwista mhix ser issarraf f’sejbiet ta’ ħtija fil-konfront ta’ aktar kompliċi.

Issa ħadd ma jista’ jlumni jekk ngħid li l-Avukat Ġenerali, bil-mod kif ġabet ruħha, lil Carmelo Abela u lil Chris Cardona ffrankatilhom l-inkonvenjent li jkollhom jagħtu t-tweġibiet tagħhom għax-xhieda ta’ xhud tal-Istat li allega li kellhom x’jaqsmu mal-attentat ta’ serq minn bank.

Ħadd ma jista’ jlumni jekk nasal biex nissuspetta li din kienet ir-raġuni li wasslitha biex lill-korp kollu tal-pulizija remietu l-baħar biex iżżomm lil Vince Muscat milli jixhed.

Biss biss Victoria Buttigieg imissha twarrab anki għaliex naqset bl-imġiba tagħha fil-konfront tal-poplu Malti. U mbagħad tkun tista’ tispjegalna jekk kellhiex pjaċir twarrab sabiex ħadd ma jkun tal-iċken inkonvenjent għal Chris Cardona u Carmelo Abela.