Agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-filmat li nġibed minn persuna li baqgħet fuq il-post wara l-protesta tal-bieraħ filgħaxija biswit l-Ambaxxata Russa fil-Kappara. Il-pulizija jidhru qed jiġbru u jarmu xemgħat, bnadar u kartelluni bħallikieku kienu qed inaddfu skart mormi kif ġie ġie wara xi festa.

 

Jidher li ma tgħallimna xejn wara li l-Qorti Kostituzzjonali kienet iddikjarat li t-“tindif” li kien isir mal-mafkar ta’ Daphne fil-Belt Valletta kull darba li kienu jitqiegħdu xemgħat jew kartelluni kien ksur tad-dritt tal-attivisti li jesprimu fehmithom billi jipprotestaw billi jħallu xemgħa jew kartellun fil-post. Ix-xemgħat li jitħallew fuq il-mafkar ta’ Daphne u dawk li lbieraħ tħallew barra l-Ambaxxata Russa mhumiex skart. Huma messaġġ immirat lejn l-uffiċjali li jaħdmu fil-qorti jew fl-ambaxxata Russa. Messaġġ li x’aktarx li jippreferu ma jirċevux.

Min ġibed il-filmat hu sogħbien bl-indifferenza lejn is-sentimenti ta’ dawk li marru jipprotestaw hu u jara x-xemgħat u l-bnadar tagħhom mogħtija bis-sieq jew mormija bħallikieku huma xi skart. Għal dawk li pprotestaw, ma kinux biss xemgħat. Kien messaġġ immirat lejn l-impjegati tal-Ambaxxata u lill-gvern li jirrappreżentaw u dan sabiex jitolbu l-waqfien tal-qerda ta’ pajjiżhom u tal-qtil tal-familji tagħhom. It-tweġiba tal-Pulizija ta’ Malta, li ma kinux fil-mira tal-protesta, kienet li x-xemgħat għandhom jitqiesu bħala skart.

Niġi naqa’ u nqum jekk il-ħaddiema tal-Ambaxxata setgħu ħadu għalihom biż-żamma tal-protesta. Li kieku tassew ħadu għalihom, allura l-protesta tkun serviet għal xi ħaġa. L-attivisti ma marrux fuq il-post  biex jissabbru wara ġimgħa ta’ aħbarijiet ħżiena. Ebda wieħed jew waħda minn dawk preżenti m’għaddielhom minn moħħhom li Vladimir Putin kien ser jerġa’ jibdielu minħabba ż-żamma ta’ protesta fil-Kappara. Iżda minkejja dan kollu, l-attivisti ħassew li kellhom jagħmlu dak kollu li setgħu, billi jgħajtu kemm jifilħu u forsi jtellfu lill-aġenti ta’ Vladimir Putin f’Malta minn xi ftit tal-irqad bid-dwal tax-xemgħat inemnmu quddiem l-Ambaxxata. Waqt li kont magħhom, kien mument li fih dħalt f’qoxorti.

Min ta l-ordni lill-uffiċjali tal-Pulizija li “jnaddfu” wara ż-żamma tal-protesta? Għaliex seħħ it-“tindif”? Tgħid għaliex beżgħu li tal-Ambaxxata ser jiddejqu? U jekk tal-Ambaxxata kienu daqshekk urtati bil-protesta, ma setgħux tħallew “inaddfu” huma stess? Bħalissa l-kollegi tagħhom impjegati tal-Federazzjoni Russa hekk qed jagħmlu wara li jkunu seħħew protesti bil-wisq akbar, mhux biss madwar id-dinja, imma wkoll fir-Russja nnfisha kif ukoll fil-pajjiż li r-Russi invadewh – jiġifieri l-Ukrajna.

Jidher li wara 9 snin ta’ gvern Laburista, Malta u l-pulizija tagħha jeħtieġ li jerġgħu jitgħallmu l-lezzjonijiet bażiċi tad-demokrazija. Il-pulizija żammew ‘il bogħod waqt li l-attivisti kantaw għanijiet tradizzjonali Ukreni barra x-xatba tal-Ambaxxata Russa. Sa dan il-ħin, kien kollox sew. Xogħolhom wara li telqu l-attivisti kellu jkun li jżommu l-istess distanza mill-kumplament tal-protesta fil-ħin li xemgħat u simboli oħra tħallew fil-post.

Jidher li anki hawn, il-ġlieda għad-demokrazija jeħtieġ li tissokta.