Ninsabu fil-bidu ta’ kampanja elettorali, għalkemm ma jidhirx li hawn xi tibdil fl-atmosfera nazzjonali. Il-kampanja elettorali hi bil-wisq itwal mill-aħħar 33 jum ta’ ħajjitha. Mill-2017, minn żmien Joseph Muscat, id-data tal-elezzjoni ma baqgħetx titħabbar mill-Prim Ministru f’diskors serju hekk kif ikun ħareġ ‘il barra mill-uffiċċju tal-President.
Hekk kien isir fl-imgħoddi. Prim Ministri bħal Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi kienu jimxu bi skruplu mal-protokoll korrett. Ma kinitx titħabbar elezzjoni qabel tiġi rispettata l-Kostituzzjoni u l-ewwel jiġi infurmat il-President tal-pajjiż.
U l-aħħar att formali tal-gvern qabel tibda l-kampanja elettorali kienet tieħu l-forma ta’ konferenza stampa serja li fiha kien jingħata rendikont tal-ħidma tal-gvern matul il-leġislatura u dan qabel jibda t-tixjir tal-bnadar u t-twerżieq politiku.
Fl-2017 Joseph Muscat beda drawwa ġdida billi ġabar massa kbira ta’ partitarji u ħabbar id-data tal-elezzjoni bħallikieku l-aħbar innifisha kienet xi bravura minn tiegħu. Il-massa werżqet, għajtet, xejret u ċapċpet u għamlu tabbirruħhom li ħadu xi sorpriża hekk kif il-prim ministru ħabbar dak li, warakollox, huwa inevitabbli – jiġifieri li l-leġislatura kienet waslet fi tmiemha.
Dan ma kienx l-agħar inżul fil-livelli minn kemm ilu li laħaq Joseph Muscat, iżda kien indikazzjoni tal-istampa ġenerali ta’ żminijietna. L-elezzjonijiet tal-2017 u tal-2022 kienu ġew mħabbra minn mexxejja Laburisti biex jippruvaw isibu tarf tal-kriżi tal-kredibbiltà tagħhom. L-ebda wieħed ma seta’ jersaq għall-eżami elettorali b’serenità li kienu għamlu xogħolhom kif suppost.
Għat-tieni darba wara l-oħra, tal-Labour qed jippreżenta ruħu għall-elezzjoni mtaqqal b’paradoss inkredibbli: reġgħu qegħdin fil-pożizzjoni fejn jinsabu ċerti mir-rebħa iżda huma mbeżżgħin u mimlijin paniku għaliex jafu li, wara jirbħu, ser jisgħobihom li jkunu rebħu.