Ikun banalità tal-politika lokali li tqis lill-elezzjonijiet Maltin bħala elezzjonijiet presidenzjali f’sistema parlamentari. Dom Mintoff kien ix-xempju tad-demagoġija post-kolonjali. Fil-bidu tat-tmexxija tiegħu Eddie Fenech Adami kien jitpinġa fl-istampa Laburista bħala tarbija bil-ħarqa u dan sabiex jitwassal il-messaġġ li bejnu u bejn Mintoff ma kienx hemm paragun.

Mal-medda taż-żmien, Eddie Fenech Adami kiber fl-istatura politika u fl-1992, fir-ritratti kienu jidher iħares dritt f’għajnejn in-nies u dak kien kulma kellhom bżonn jagħmlu l-PN. Alfred Sant u Lawrence Gonzi ġew ippreżentati qishom artisti f’xi dramm u wiċċhom kont tarah kullimkien anki f’dawk il-bliet u l-irħula li fihom ma kinux qed jikkontestaw.

L-istħarriġ fl-2017 kien ċar. Joseph Muscat kien attrazzjoni elettorali għall-partit tiegħu li Simon Busuttil ma kienx għal tiegħu. Tal-Labour ċappsu wiċċ u isem il-mexxej tagħhom ma’ kullimkien, bil-kampanja nfisha msejħa “josephmuscat.com”. Il-kampanja tal-PN ma wżatx “Jien nagħżel lil Simon Busuttil”. Minflok użaw “Jien nagħżel Malta”.

Il-fehma kienet li f’għażla bejn Muscat u Busuttil, bosta aktar kienu ser jagħżlu lil Muscat. Forsi f’għażla bejn Muscat u Malta, numru minnhom jagħżlu lil Malta.

Dalgħodu Malta qamet b’isem Robert Abela mċappas kullimkien, fuq dawk il-billboards li ilhom 6 xhur jirreklamaw il-film awards jew xi gherf Presidenzjali dwar l-għaqda tagħna waqt il-pandemija. Issa ħlief Robert Abela, Robert Abela, Robert Abela kullimkien m’aħniex naraw. U hekk probabbli se nibqgħu naraw għat-33 jum li ġejjin.

Bla dubju ta’ xejn li l-appoġġ li jgawdi l-mexxej Laburista, għalkemm fit-triq tan-niżla, baqa’ għoli ħafna u bil-wisq ogħla minn ta’ Bernard Grech. Għall-Partit Laburista, il-vantaġġ li jgawdi Abela fil-konfront ta’ Grech huwa sod.

Imma wara l-esperjenza tal-elezzjoni tal-2017, jidher li qed issir emfasi żejda fuq il-kwalitajiet tal-mexxej. Sewwa jagħmlu l-mexxejja meta jfakkruna li ħadmu tajjeb fil-kariga ta’ prim ministru u li ħaqqhom jerġgħu jkunu eletti, jew meta l-mexxejja jgħidulna li t-tiġrija għall-ħatra ta’ Prim Ministru hija wegħda ta’ gvern aħjar. Għalhekk ikollna kampanji elettorali.

Iżda Joseph Muscat u Robert Abela qed jippruvaw ibellgħu l-idea li m’hemmx alternattiva għalihom. Il-messaġġ li jridu jwasslu hu li għandhom jingħataw mandat ieħor u dan minkejja kull dubju li jista’ jkollhom il-votanti dwarhom.

Il-lezzjoni tar-rebħa elettorali ta’ Joseph Muscat hija biss konferma li elezzjoni twassal biss sa ċertu punt. Rebħa ma tħassarx dak kollu li jkunu jixtiequ jaħbu – għallinqas mhux għal dejjem. Rebħa mill-ġdid ma tfissirx maħfra ta’ dnubiethom.

Bernard Grech huwa pjuttost ġdid. Imexxi partit miżgħud bi dgħjufijiet li se nitkellem dwarhom aktar tard f’din is-sensiela u għadu ma rnexxilux iqajjem l-entużjażmu għalih u għall-partit tiegħu. Għandu 33 jum biex ibiddel dan kollu. Sakemm ma jitlifx b’marġini akbar minn ta’ qablu, ma tantx għandu ta’ xiex jagħti prova u wisq inqas għandu x’jitlef.

Għandu l-lussu li jista’ jibqa’ seren matul din il-kampanja, li jidher kalm u li jaf x’hemm bżonn isir. Jekk jirreżisti t-tentazzjoni li jwiegħed il-mirakli (li se joħroġna mill-greylisting fi tliet xhur, pereżempju, jew li se jerġa’ jibni t-tempju fi 3 ijiem) jista’ jippreżenta ruħu bħala dak li għandna bżonn: alternattiva għal Robert Abela – dak li jintilef  fil-paniku, li jieħu għalih mix-xejn, li huwa nervuż iżżejjed.