Skont l-istħarriġ, id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista hu wieħed konsiderevoli. Għalkemm dan kien bil-wisq akbar fi żmien it-tmexxija ta’ Adrian Delia, mill-2017 ‘l hawn, il-PN qatt ma rnexxielu jegħleb lill-PL.

Nistgħu ngħidu li fl-istħarriġ li sar mill-2005 ‘l hawn, il-PN kważi qatt ma sebaq lill-PL. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-appoġġ għall-Partit Laburista kien aktar kompatt u kellu xmara soda ta’ finanzjament (min jaf dawn minn fejn ġew u kif akkwistawhom), l-għodda tal-propaganda tagħhom qajla taw każ lill-verità u għalhekk kienet aktar effettiva biex iżommu lin-nies tagħhom marbutin mar-rabja kontra realtà li ma taqbilx mad-dinja kif hi mpinġija mill-One TV.

Mela għaliex qed issir kampanja elettorali? Ir-riżultat elettorali tal-2017 jiġġustifika mistoqsija bħal din. L-ewwel artiklu tiegħi li qatt ktibt fuq dan il-blog kien jittratta b’mod analitiku dwar x’kien mar żmerċ f’dik il-kampanja tal-PN, u li żgur li dan ma kienx dwar kif kien twassal il-messaġġ, il-kontenut, id-diskors jew il-preżentazzjoni. Lanqas kien dwar min kellu raġun jew tort dwar il-kwistjonijiet ewlenin f’dik il-kampanja. Għemil il-Labour kien diġà nkixef bis-saħħa tal-Panama Papers. Il-PN kellu raġun jistqarr li rebħa oħra Laburista kienet ser toħloq ħsara lill-pajjiż. U, li kieku kien biżżejjed li wieħed ikollu raġun, tal-Labour kienu jitilfu dik l-elezzjoni bil-kbir u dan talli għamlu ħsara lil isem il-pajjiż.

Il-kampanji elettorali jibqgħu importanti għal bosta raġunijiet.

Fiha nnifisha, telfa elettorali mhix valur assolut. Min iċedi qabel tkun bdiet it-tiġrija iwitti t-triq għal dak li bilfors iseħħ fis-snin ta’ wara. Elezzjoni li ssir b’partit wieħed biss isservi biex tgħaddi poteri assoluti lil gvern li jsib ruħu mingħajr oppożizzjoni, mingħajr reżistenza jew mingħajr alternattiva. Tkun tfisser li l-oppożizzjoni ċediet l-armi b’mod permanenti.

Is-setgħa u l-abbużi mill-partit fil-gvern li din taf iġġib magħha, jafu jkunu effettivi u, ħafna drabi, diffiċli li jingħelbu kif ġieb u laħaq. Iżda l-aspettattivi tal-votanti bilfors jikbru u l-gvern tonqoslu l-ħila li jaqdihom, mhux għax tkun missitu l-kuxjenza, iżda għaliex ir-ripetizzjoni tal-mistoqsija “għandek bżonn xi ħaġa?” taf tintemm bi tweġibiet li lanqas l-aktar politiku korrott ma jkun jista’ jissodisfahom. Id-diżappunt tan-nies b’min kien is-sors tal-pjaċiri u t-tentattivi biex tittanta xortiha bin-naħa l-oħra, diżgrazzjatament tispiċċa tkun ir-raġuni għala xi nies jibdew jagħtu każ tal-argumenti politiċi jew anki jfittxu lil min jaqdihom band’oħra.

Hawn min jgħid li l-ekonomija tħoll u torbot. U l-ekonomija bħalissa mhix miexja fuq ir-rubini kif kienet fl-2017. Parti mill-ħtija għandha tintrefa’ mill-pandemija Covid, u għal xi wħud għandha tkun biżżejjed biex ikomplu jemmnu fil-PL għal xi ftit tas-snin oħra. Xi wħud oħrajn jiġu jaqgħu u jqumu dwar hix sejra tajjeb l-ekonomija u jkunu lesti li jpattuha lill-gvern għall-konsegwenzi li jkunu qed ibatu. Tinsewx kif l-ogħli eżaġerat fil-prezz taż-żejt fi żmien Gonzi ma żammx lill-votanti milli jivvutaw għal tal-Labour fl-2013 u dan minħabba l-wegħda ta’ kontijiet orħos tad-dawl.

Li jkollok raġun – dwar il-korruzzjoni, dwar imġiba morali, dwar livelli għoljin fil-ħajja pubblika – mhux biżżejjed biex jintrebħu l-elezzjonijiet. Iżda kollox jgħin. U kampanja elettorali biss se twassal biex in-nies jifhmu. Mhux kull min ivvota Labour fl-2017 jinsab kuntent bl-andament tal-governanza tal-Partit Laburista. L-implikazzjonijiet tal-iskandlu ta’ Robert Abela għadhom ma daħlux fl-imħuħ u ma naħsibx li ser ikollhom xi impatt fuq il-mod kif ser jivvota l-elettorat f’din l-elezzjoni (għalkemm fis-sentejn li ġejjin ċertament se jkollu impatt fuq il-futur ta’ Robert Abela). Il-Laburisti xejn ma impressjonaw ruħhom bit-tweġibiet taparsi li ta Konrad Mizzi quddiem il-PAC. U wħud minnhom qed jaħsbuha jekk ibiddlux il-vot tagħhom biex il-partit jagħmel ftit żmien fl-oppożizzjoni bil-għan li jitnaddaf.

Jibqa’ l-fatt li, konsistenti kemm ikun konsistenti l-istħarriġ fil-medda ta’ leġislatura, jaf ikun hemm tibdil drammatiku waqt il-kors ta’ kampanja elettorali. Niftakru fil-każ klassiku li seħħ fil-kampanja elettorali tal-2008 meta nkixef l-iskandlu tal-Mistra ta’ Jeffrey Pullicino Orlando li kien kważi tellef l-elezzjoni lill-PN. Dak iż-żmien, il-vantaġġ li kellu l-PN f’dawk li huma voti fil-bidu tal-kampanja spiċċa biex naqas tant li kien hemm inċertezza kbira dwar ir-riżultat finali. Fl-aħħar mill-aħħar, kien hemm biss 1,800 vot bejn iż-żewġ partiti f’jum l-elezzjoni u, li kieku l-elezzjoni kienet saret xi ftit ġranet wara, x’aktarx kien jirbaħ il-Labour.

Jeħtieġ li nżommu saqajna mal-art. Il-vantaġġ li għandu bħalissa l-Labour fuq il-PN huwa wisq akbar minn dak li kellu l-PN fuq il-PL fl-2008. X’aktarx li t-33 jum ta’ kampanja elettorali mhux ser ikunu biżżejjed biex titnaqqas differenza daqshekk wiesa’. Iżda tajjeb li wieħed jerġa’ jaqra l-ewwel kibta f’din is-sensiela. B’kemm voti se jitlef il-PN huwa rilevanti, u l-kampanja elettorali jaf ikollha l-effett li tnaqqas id-distakk.