Dalgħodu Robert Abela stqarr li Joseph Muscat kien ingħata proprjetà tal-gvern f’Tal-Pietà għall-użu personali tiegħu bħala uffiċċju “bħala parti minn pakkett” wara li dan spiċċa minn prim ministru. Sirna nafu b’dan l-uffiċċju biss bis-saħħa tat-tfittxija li għamlet fih il-Pulizija dan l-aħħar. U dan ma jistax ħlief ifisser li l-“pakkett” jista’ jkun fih aktar benefiċċji minn dawk li smajna bihom s’issa.
Ħwejjeġ bħal dawn – jiġifieri x’benefiċċji għandu jgawdi minnhom prim ministru li jkun warrab sakemm jerġa’ jaqbad il-ħajja tax-xogħol – għandhom ikunu regolati mil-liġi u mhux jiġu deċiżi minn min ikun ser iwarrab bil-kompliċità ta’ min ikun ser jilħaq floku. X’inhi r-raġuni li dawn iġibu ruħhom bħallikieku l-ġid pubbliku huwa tagħhom? Abela u Muscat kif qatt jistgħu jiġġustifikaw l-għoti ta’ proprjetà pubblika lil xi ħadd li m’għadux iservi fil-gvern u li issa qed jaħdem bħala ċittadin privat? Il-gvern jinsab fid-dmir li jxandar id-dettalji kollha tal-pakkett mingħajr dewmien. Din il-proprjetà għaddiet f’idejn Joseph Muscat? X’titolu għandu fuq il-proprjetà? Huwa s-sid il-ġdid jew huwa biss kerrej? X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-kirja? Il-kirja hi waħda temporanja jew waħda permanenti? Kemm qed iħallas?
Fil-prinċipju, l-gvern jista’ biss jgħaddi ġid pubbliku lil min ma jaħdimx mal-gvern wara li jkun seħħ proċess kompetittiv jew wara li tkun għaddiet riżoluzzjoni parlamentari. F’dan il-każ, minn dan kollu ma sar xejn. Niddubita kemm huwa legali dan il-“pakkett”. X’inhi din li, aktar ma jitħaffer u jinkixef dwar l-imġiba tal-gvern, aktar toħroġ riħa tinten ta’ umdu?
Waħda tal-aħħar. Tgħid Robert Abela diġà għażel il-proprjetà pubblika li jrid jokkupa bla kera sabiex ikun jista’ jkompli jimpala l-flus wara li jkun spiċċa mill-ħajja pubblika?