Il-prim ministru ħabbar li l-gvern ser jieħu lura f’idejh l-inħawi taż-Żonqor kif ukoll l-ispazju miftuħ fl-Isla li kien ingħata lill-hekk imsejħa American University of Malta. Ried jagħti lis-semmiegħa tiegħu x’jifhmu li din il-mossa mhi xejn ħlief rigal mill-gvern lill-poplu tan-nofsinhar ta’ Malta u li għalhekk huwa jistħoqqlu l-appoġġ kollu tagħhom fl-elezzjoni li ġejja. Dak li stqarr Abela huwa xhieda ħajja tal-kompliċità banali tal-hekk imsejjaħ ġurnalista li suppost kien qed jintervistah fuq ix-xandir nazzjonali li naqas li jitlob lill-prim ministru biex jgħaddilu d-dettalji dwar kif ser iseħħ dan it-trasferiment. Ma tridx għerf kbir biex tintebaħ li talba bħal din kienet tkun waħda meħtieġa u rilevanti għall-aħħar.

Għalkemm Robert Abela lissen diskors anti-kolonjali bħal dak li kien ilissen Mintoff meta kien ħeles lill-inħawi ta’ St Andrew’s u Tigné minn idejn il-barranin, il-Ponta ta’ Żonqor u l-ispazju miftuħ li fih in-nies tal-Isla jipparkjaw il-karrozzi tagħhom, ma kinux f’idejn xi invażur. Bħala okkupanti reddiegħa ta’ art pubblika li s’issa ma kellhom il-ħila jagħmlu xejn biha, l-invażuri kienu ġew mistiedna f’pajjiżna mill-istess gvern li għaddielhom l-artijiet li issa jrid ibellagħha li ser jirkuprahom lura “għall-poplu”. Il-gvern qed iġib ruħu bħal dak il-ġaħan li jbigħ pittura li kellu mitluqa f’rokna mwarrba f’daru (u li jaħseb li ma tiswa xejn) lis-sid ta’ ħanut tal-antikitajiet. Dan sakemm jintebaħ li sid il-ħanut ser ibigħ l-istess pittura u ser jaqla’ l-miljuni għaliex fil-fatt din tiswa ħafna flus. U sabiex jipprova jikkonsla, il-gvern ser jerġa’ jixtri l-pittura bil-prezz il-ġdid tagħha u fl-istess ħin jagħmel tabirruħu quddiem id-dinja li ma kienx għaddieha bix-xejn lil sid il-ħanut.

Li rrid ngħid hu li l-gvern għadu ma spjegax tal-AUM taħt liema kundizzjonijiet ser ireġġgħu l-artijiet f’Żonqor u fl-Isla lura lill-gvern. Il-gvern ser jixtri l-artijiet mingħandhom? Kemm ser iħallas il-gvern għalihom? Il-bieraħ Robert Abela stqarr li l-espansjoni tas-sit tal-AUM  (għadhom bit-tama li din ser isseħħ) ser issir fi Smart City. Iżda jeħtieġ niftakru li l-gvern mhuwiex is-sid ta’ Smart City, jew għallinqas ta’ 91% tal-valur tiegħu. Għaldaqstant jekk l-art fi Smart City ser titpartat mal-aritijet f’Żonqor u fl-Isla, il-gvern ser ikollu jikkumpensa lil dawk li kienu ngħataw l-art biex tinbena Smart City. Inħadmet kif inħadmet, il-kwistjoni tibqa’ li ser nispiċċaw nixtru dak li fl-imgħoddi kien diġà f’idejna.

Din hi l-ewwel problema.

Il-problema l-oħra hi dwar il-mod kif il-gvern qed ilaqqam ir-ritorn tal-artijiet f’Żonqor bħala “aħbar tajba” u dan meta fl-imgħoddi tgħidx kemm kien żeblaħ lil kull min kien wissa’ li t-trasferiment tal-artijiet pubbliċi f’Żonqor ma kienet xejn ħlief “aħbar ħażina”.

Dawn mhux biss qed jippruvaw iqarrqu bina.

Qed jippretendu li għandna ninżlu għarrkuptejna quddiemhom u nirringrazzjawhom.