Robert Abela ġie mistoqsi jikkummenta dwar il-bonus li tħallas lil Rosianne Cutajar wara li din tkeċċiet mill-Kabinett hekk kif inkixfet li kienet ħbiet għotja ta’ €9,000 mingħand Yorgen Fenech u dan qabel tkellmet biex taqbeż għalih fil-Kunsill tal-Ewropa u fil-Parlament Malti. U dan biex ma nsemmix ukoll li ma ddikjaratx dħul minn senserija għal finijiet ta’ taxxa. Illum Robert Abela stqarr li mhuwiex kuntent bil-“pakketti tat-terminazzjoni” għall-Ministri u pprova jbenġilha hu u jgħid li l-gvern tiegħu kien “wiret” is-sistema mingħand in-Nazzjonalisti. Ma qalx, iżda, li ministri Nazzjonalisti qatt tħallsu bonus wara li jkunu tkeċċew mill-kabinett minħabba xi skandlu.
Għaldaqstant Robert Abela qal il-ħmerijiet.
Barra minn hekk, skemi ta’ ħlasijiet ma “jintirtux” bħallikieku huma xi dejn. Skema ta’ ħlas tista’ tinżamm mill-gvern. U tista’ wkoll titħassar. Għaldaqstant il-ħlas li sar lil Rosianne Cutajar seħħ sforz deċiżjoni li ħa Robert Abela. Deċiżjoni li, jekk irid, għandu s-setgħa li jħassar u li għandu jħassar. Lil Rosianne Cutajar imissu jordnalha tħallas lura dawk il-flejjes. Għaliex għandu s-setgħa li jagħmel dan.
Meta Lawrence Gonzi, li kien taħt pressjoni mill-pubbliku, ċeda u ħassar deċiżjoni li kien ħa li jżid il-kumpens lill-ministri tiegħu, huwa mhux biss ħassar id-deċiżjoni iżda ordnalhom iħallsu lura dak li kienu diġà tħallsu bħala membri pġarlamentari. Il-prim minstru mhuwiex jien jew int, jew Bernard Grech. Il-prim ministru hu Robert Abela. Huwa proprju hu li jista’ jagħmel aktar milli joqgħod jilmenta dwar il-ħlas ta’ bonus li sar lil Ministru li hu stess kien keċċa. Huwa għandu s-setgħa jordnalha trodd lura l-flus li tħallset. Din hi kandidata mal-partit tiegħu li stqarret li hi “ġenwina wisq”. Ċertament mhux ser tiddejjaq trodd lura l-flus, miskina.
Robert Abela għandu wkoll problema akbar fuq ħoġru: Joseph Muscat u l-mega-bonus ta’ €120,000 li tħallas u dan barra l-perkaċċi. Mid-dehra, il-kobor ta’ ħlasijiet tal-bonus lil ministri li jkunu twarrbu huma skont il-proporzjon tal-kobor tad-delitti politiċi li jkunu wettqu.
Jekk dan huwa l-każ, il-proporzjon għandu jgħodd ukoll għall-flus li jintraddu lura.