Meta jkun hemm impjegata mal-gvern li xogħolha jkun li tirregola industrija partikolari, mingħajr ma trid toħloq relazzjoni ta’ xogħol mal-akbar investituri fl-istess industrija. Għandu jkun ċar li din mhix impjegata magħhom. Dawn għandhom il-ħaddiema tagħhom u hi taħdem fl-interess pubbliku billi tħaddem il-liġijiet li jirregolaw l-imġiba tal-investituri fl-industrija. Ikun mistenni li, fl-ambitu ta’ dawn il-liġijiet, għandha tħallihom jaħdmu u jagħmlu l-profitti tagħhom. Iżda wieħed ikun jeħtieġ li jiftakar li din hi wkoll imħallsa mill-gvern biex tħares dawk il-liġijiet u li ġġib ruħha b’mod li jgawdi kulħadd.
L-interessi tagħna jvarjaw minn bniedem għal ieħor. Jekk inkunu ser nixtru l-ħut, nippretendu li l-ħut jinqabad b’mod sostenibbli u b’riżq saħħitna. Nistennew li l-ibħra tagħna u l-forom ta’ ħajja li jgħixu fihom għandhom ikunu mħarsa. Hu wkoll minn ewl id-dinja li nistennew li, xi drabi, l-interessi tal-pubbliku ma jibqgħux jaqblu mal-interessi tal-investituri fl-industrija.
Dan ma jistax ħlief ifisser li l-impjegata tal-gvern imħallsa minn flus il-poplu għandha żżomm ruħha ‘l bogħod mill-investituri fl-industrija biex b’hekk ma jkollha ebda suddizzjoni meta tiġi biex twaqqafhom meta dan ikun meħtieġ, twaħħlilhom il-multi u, jekk ikun hemm bżonn, tagħlaqhom.
Kienet x’kienet lir-relazzjoni li din l-impjegata tal-gvern partikolari kellha mal-industrijalisti, wara li ddeċidiet li ttiha għall-politika l-industrijalisti li jaqgħu taħtha għamlu donazzjonijiet mhux żgħar b’riżq il-kampanja elettorali tagħha. Aqraw dan ir-rapport li xxandar fit-Times of Malta.
Alicia Bugeja Said telgħet fil-Parlament u nħatret bħala segretarju parlamentari għas-settur tas-sajd. B’hekk saret l-imgħallem ta’ min ħa postha bħala regolatur tal-industrija. L-industrijalisti issa għandhom ħabiba fil-gvern f’post fejn ikunu jistgħu jfittxuha f’każ ta’ bżonn.
Ibqgħu ċerti li fl-isfond ta’ din il-farsa, ser ikun hemm min joħroġ għan-nofs u jgħid li ma nkisret ebda liġi. Infakkar fil-kitba tiegħi tal-lum stess dwar ir-rapport GRECO li kkritika lill-awtoritajiet Maltin talli kaxkru saqajhom u naqsu li jdaħħlu liġijiet aħjar dwar it-trasparenza fil-qasam tal-lobbying, liġijiet aħjar dwar kunflitti ta’ interess, liġijiet li jwasslu biex jitnaqqsu attivitajiet li jwasslu għall-ħolqien ta’ kunflitt ta’ interess meta persuna tkun qed isservi ta’ uffiċjal ewlieni fil-servizz pubbliku, bħala persuna ta’ fiduċja, bħala membru parlamentari jew bħala ministru.
Dawn l-arranġamenti korrotti qed jitħallew iseħħu għaliex il-liġijiet li ma jippermettuhomx baqgħu fuq l-ixkaffa.
Li kieku kellna liġijiet serji, Alicia Bugeja Said kienet tiġi mġiegħla twarrab.
Korrotti u kburin.