Il-każ kontra l-kappillan ta’ Marsaxlokk iqajjem l-interess tal-midja għal ħafna raġunijiet. Għalkemm is-soċjetà tagħna qed issir aktar sekulari aktar ma jgħaddi żmien, xorta npoġġu l-qassisin fuq pedestal. Meta jiżbalja wieħed minnhom, l-iskandlu jinħass doppju. L-aktar  aħbar li qajmet l-interess tal-pubbliku kienet li nefaq għexieren ta’ eluf ta’ ewro fuq pornografija. Mhux reat li tonfoq il-flus fuq il-pornografija. Lanqas mhu reat li tkun ipokrita, jekk dak hu dak li hu. Il-ħjiel li ta l-qassis biex jiddefendi ruħu jagħtina x’nifhmu li nqabad f’dan iċ-ċiklu ta’ dipendenza bħala riżultat ta’ mard serju u solitudni. Mid-dehra, waqt li hu kien jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-merħla tiegħu, ħadd ma kien qed jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu.

Għalkemm l-interess tan-nies fil-pornografija u l-kurżità li qamet dwar x’tista’ tara online li jqumlek daqshekk flus, id-dimensjoni reali tal-interess pubbliku f’din l-istorja jinsab band’oħra.

L-ewwel aspett diġà tqajjem minn bosta nies. Il-pulizija u l-prosekuturi jidhru kompetenti u determinati f’dan il-każ. Qishom qed jgħidulna li fejn u meta jridu, huma kapaċissmi jmexxu kontra reati finanzjarji. M’għandniex xi ngħidu, dan il-każ għad fadallu biex jasal fi tmiemu, u bl-ebda mod mhu garantit ir-riżultat tiegħu. Imma jekk se niġġudikaw biss fuq l-atteġġjament tal-prosekuturi u kemm jidhru li jifhmu l-liġijiet li għandhom jiżguraw li jkunu infurzati, hemm baħar jaqsam bejn kif qed imexxu f’dan il-każ u, pereżempju, fil-każ kontra l-Pilatus Bank jew kontra John Dalli.

Biex ma nsemmix il-każijiet ineżistenti, s’issa, kontra Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri, Chris Cardona,  u oħrajn.

X’se nitgħallmu minn dan kollu? Qed jagħtuna tweġiba għas-suspett li ilna nħossu li l-pulizija u l-prosekuturi tagħna mhumiex kapaċi jinfurzaw il-liġi kontra reati finanzjarji? Kemm tagħtina wens il-prova li fejn u meta jridu, huma kapaċi jagħmlu xogħolhom sew?

Qabel ma mexxew fuq dan il-każ, għallinqas kellna l-iskuża li naħsbu li min imexxi u jieħu d-deċiżjonijiet fil-pulizija u s-servizzi tal-prosekuzzjoni huma inkompetenti. Il-fatt li ma mexxewx kontra politiċi kien, qabel ma nqala’ dan il-każ, jew minħabba nuqqas ta’ ħila, jew nuqqas ta’ rieda. Issa jekk inneħħu l-għażla tan-nuqqas ta’ ħila, jibqa’ biss in-nuqqas ta’ rieda. Konna aħjar qabel meta kien għad kellna d-dubju.

Hemm aspett ieħor f’dan il-każ li hu ta’ interess pubbliku. Il-fiduċja għamja li għandna fl-eroj tagħna. Il-vox pop li għamlu tat-Times of Malta man-nies tal-komunità ta’ Marsaxlokk tqajjem lok għal studju interessanti fil-psikoloġija tal-massa.

Se nibda bil-primessa li naċċetta li kulma ntqal dwar il-qassis mill-parruċjani huwa veritier. Naħseb li huwa totalment possibbli li bniedem ikun mexxej eżemplari fil-komunità, karitattevoli, jgħin, ħanin, anki jispirak, u fl-istess ħin ikollu vizzji inkontrollabbli. Waħda ma teskludix l-oħra. Waħda la tiskuża u lanqas ma tnaqqas il-valur ta’ l-oħra.

Il-bniedem huwa kumplikat. Fl-opinjoni tiegħi, l-aktar aspett utli fit-tagħlim tar-reliġjonijiet kollha hu li ħadd mhu perfett u li l-perfezzjoni – il-Ġenna, Nirvana, id-dirgħajn ta’ Abraham, rinkarnazzjoni bħala ħamiema bajda – huma kollha aspirazzjonijiet supernaturali fl-impossibbiltà tagħhom. Aħna l-bnedmin, għax bnedmin, kollha niżbaljaw u kollha kemm aħna nonqsu milli nilħqu l-istandards li għandna imqar għalina nfusna.

Xejn minn dan ma jfisser li m’għandniex ikollna liġijiet u li ma nmexxux kontra min jiksirhom mingħajr ma nħarsu lejn l-uċuħ, l-istatus, jew ir-reputazzjoni ta’ min jiksirhom.

Meta nassumu li xi ħadd li nammiraw, inħobbu u nappoġġjaw (anki għal raġunijiet validi) huwa infallibbli, nuru li ma tantx fhimna x’inhi n-natura umana. U hemm raġuni għal dan. Kollha kemm aħna nirreżistu li naċċettaw li aħna limitati meta niġu biex niffurmaw opinjoni dwar l-oħrajn.

Niżbaljaw jekk nassumu li xi ħadd li jqatta’ ħinu jgħin lill-oħrajn hu bniedem twajjeb? Le. Mhix xi ħaġa minn ewl id-dinja. Imma jista’ jgħarralna. Waqt li jkun ħażin li nieqfu milli nafdaw lill-oħrajn, irridu niftakru li qatt ma nkunu mal-bnedmin l-oħra l-ħin kollu.

Jidher li dawk il-parruċċjani li tkellmu fil-vox pop tat-Times of Malta tilfu l-ħila li, jew ma jridux li, ikunu diżappuntati. Mhux diżappuntati biss bil-kappillan, imma bihom infushom talli ma ntebħux b’dak li raw il-bankiera meta kien qed jiddepożita flus fil-kont bil-wisq aktar milli wieħed kien jistennieh jaqla’.

Tant ma ridux ikunu diżappuntati bil-ġudizzju tagħhom li insistew li l-eroj tagħhom bilfors huwa vittma ta’ frame-up, jew li sab ruħu fil-mira ta’ xi konfoffa, jew li ma jistax ikun li hu verament dak li qed jintqal dwaru għax ma jistax ikun li kienu daqshekk għomja.

U anki hawn nuru l-umanità tagħna. Fit-tama fiergħa tagħna li nsibu nies li nistgħu nammiraw bla riżerva,  innessu lilna nfusna mhux biss li anki dawk l-eroj huma nies tad-demm u l-laħam, imma lanqas ma nifhmu n-natura umana.

Ma nifhmux lilna nfusna.