Dalgħodu xandart storja li ġiegħlet lil Adrian Delia jieħu għalih. Fit-tweġiba li xandar, għajjarni giddieb. Xandart dan kollu biex nuri li mhux veru li jien gdibt. Sadattant, tat-Times of Malta tkellmu dwar il-kwistjoni huma wkoll u fis-sustanza kkonfermaw ir-rapport tiegħi inkluż il-fatt li Joseph Muscat kien semma’ lil Adrian Delia bħala avukat għall-klabbijiet tal-futbol tal-premier fin-negozjati tagħhom mal-għaqda Maltija tal-futbol.
Mid-dehra dan ma kienx biżżejjed.
Xi ġurnalisti qaluli li huma rċevew e-mails taparsi mingħandi li fihom jien ammettejt li llum ma ħadx il-mediċina li kelli nieħu, li jien irtirajt l-istorja li xandart dwar dwar Adrian Delia u li skużajt ruħi miegħu.
Ma nagħtikomx tort kemm-il darba din il-praspura qed ixxommuha tinten: madwar sena ilu ruħ tajba – li l-Pulizija għadha ma identifikatx min hi – ffalsifikat l-kont tal-e-mail u tal-website tiegħi biex nitpinġa bħala l-akbar sostenitur ta’ Yorgen Fenech.
Eżatt bl-istess manjiera. Eżatt bl-istess lingwaġġ. Eżatt bl-istess teknoloġija. Saħansitra bl-istess hosting service mill-Istati Uniti tal-Amerika tas-sena l-oħra. Jien u nikteb, illum fl-15:40 irċevejt l-ewwel telefonata anonima mingħand xi ħadd li żamm in-numru tiegħu mistur.
Fi kliem ieħor erġajna koppi, iżda din id-darba l-attakk ġie minn Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni li x’aktarx inħaraq sforz il-fatt li l-istorja li xandart x’aktarx xi pjanijiet li seta’ kellu għamlithomlu rmied.
Dawn l-inċidenti qed inwassalhom lill-Pulizija iżda, wara l-esperjenza li għaddejt minnha s-sena l-oħra, ma tantx għandi qalbi qawwija. Sadattant, jekk ma tridx titħawwad bl-informazzjoni falza u bil-gideb ta’ dawk li jippretendu li għandi noqgħod infaħħarhom għax jafu li l-kredibbiltà tagħhom hi agħar minn tiegħi, jekk dak li taqra fuq il-website tiegħi ma jkunx idoqqlok, dejjem għandek tara li l-URL huwa manueldelia.com.
Tidher kemm tidher simili, kull ħaġa oħra tkun ġejja minn xi galantom li jkun qed jigdiblek f’wiċċek.