Fis-7 snin li dam prim ministru, Joseph Muscat qatt ma tfaċċa f’xi marċ tal-festa ta’ San Gejtanu.

Iżd’issa ġie bżonn il-folol li jkun jista’ jinqeda’ bihom biex ibeżża’ lill-uffiċjali pubbliċi milli jaqdu dmirhom u jtellgħu l-qorti lilu u lill-bażużli tiegħu. Ma kienx waħdu fil-marċ ta’ San Gejtanu. Imdawwar kif kien bil-manigoldi, kien qisu Don Fanucci fil-festa.

Ir-ritratt ta’ hawn isfel issorprendieni xi ftit. F’dan ir-ritratt jidher Chris Cardona, eks deputat mexxej tal-Partit Laburista li jinsab implikat minn żewġ assassini dwar is-sehem tiegħu f’konġuri kriminali, inkluż kumplott biex tinqatel ġurnalista. U jidher ukoll eks deputat mexxej ieħor, Toni Abela, li llum iservi ta’ Mħallef.

Dan l-Imħallef qed jippresjiedi kawżi li qed jinġiebu minn xi ħadd bħali li li fihom qed jingħad li l-gvern ta’ Joseph Muscat (u, inċidentalment, dak ta’ Robert Abela) kisru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Darba waħda, dak l-Imħallef kien instema’ jgħid f’recording li meta l-partit kien ikollu s-saram ma’ wiċċu, kien ifittex l-għajnuna ta’ “pulizija Laburist” biex isib tarf tal-kwistjoni.

Meta jinqala’ s-saram, ikun tajjeb għal ċerti nies li jkunu jafu li jistgħu iserrħu fuq ‘Imħallef Laburist’.