Agħti daqqa t’għajn lejn dan ir-rapport dwar kumment li kien għadda Joseph Muscat f’Mejju tal-2018.
Dak iż-żmien kien qed jiffaċċja sejħiet biex tinħatar kummissjoni li tmexxi inkjesta pubblika indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Irreżista dawk is-sejħiet bl-iskuża li inkjesta setgħet timmina l-investigazzjonijiet kriminali u prosekuzzjonijiet li kien għad iridu jseħħu.
Waqt li ffaċċja protesti kontra l-protezzjoni ta’ xi politiċi u ħbieb oħra li kien qed jiġi allegat li huma korrotti, baqa’ jaqbeż għal Keith Schembri, Konrad Mizzi u oħrajn. It-tweġiba tiegħu kienet li kellna nħallu l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom u biex ma ssirilhomx pressjoni bil-protesti.
L-awtonomija tal-istituzzjonijiet tant kienet importanti għalih li Joseph Muscat insista li d-dmir li nuruhom rispett (u ma nikkritikawhomx) jifforma “s-sisien tad-demokrazija”.
“Il-pulizija u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż għandhom ikunu rispettati, anki meta n-nies ma jaqblux magħhom,” kien stqarr fi żmien li fih Lawrence Cutajar, Silvio Valletta u Ian Abdilla kienu qed ikunu kritikati talli naqsu milli jieħdu azzjoni kontra l-kriminali.
Għalih kien faċli li jgħidha dak iż-żmien, għax Joseph Muscat kien jikkontrolla l-imġiba tagħhom u qabeż għalihom għax baqgħu jobdu l-ordnijiet tiegħu.
Ejjew inqabblu dawk ir-rimarki ma’ dak li kiteb Joseph Muscat fuq il-Facebook ilbieraħ. Issa li qed iħoss li m’għandux is-setgħa li jikkontrolla għalkollox “lill-istituzzjonijiet” bħalma kien jikkontrollahom fl-imgħoddi, konvenjentement m’għadux jgħid li huwa dmir li nirrispettawhom u ma nikkritawhomx anki meta ma naqblux magħhom. Għax issa ntlaqat huwa stess u mess lilu li ma jaqbilx magħhom u mhux dawk li qed isejħu għat-twettiq ta’ ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia u dawk li qed isejħu wkoll li ssir ġustizzja miegħu u ma’ sħabu.
Issa Joseph Muscat xejn mhu jiddardar jimmina “s-sisien tad-demokrazija” u qed isejjaħ biex jinġabru l-folol bil-għan li jiġu intimidati l-maġistrati, l-prosekuturi u l-investigaturi.
Joseph Muscat għandu xorti li l-ipokesija mhix meqjusa bħala delitt kriminali.