Joseph Muscat ilmenta li l-istituzzjonijiet qed jaġixxu bil-qorti kontra sħabu sforz il-pressjoni ġejja minn dawk “tas-soltu”. Fi kliem ieħor, qed jinsinwa li l-pulizija ddeċidiet li ttella’ l-qorti lil Frederick Azzopardi biex tidher li qed tagħmel xi ħaġa u biex teħles minn dawk li qed isejħu għat-twettiq tal-ġustizzja. Ċertament inkunu boloh kemm-il darba nibilgħuha li l-Pulizija għandha xi rieda ġenwina li tara lil Azzopardi jeħel xi kundanna.
Wara kollox, hawn xi ħadd li tassew jemmen li l-kawża kontra wlied John Dalli ser twassal għal xi kundanna? L-istess jista’ jingħad għall-każ kontra John Dalli nnifsu, dak kontra tal-Pilatus Bank u dak li hemm pendenti kontra Keith Schembri, Adrian Hillman, Brian Tonna, Karl Cini u oħrajn.
Kif jgħidu t-tiġrija sal-barkun, iżda l-indikazzjonijiet ma tantx iqawwu l-qlub.
Arnold Cassola llum xandar stqarrija li fiha lmenta dwar iż-żmien twil li ħadet il-Pulizija biex tħarrek lil Frederick Azzopardi fil-qorti minn dakinhar li hu kien ippreżenta talba għat-tnedija ta’ proċess kriminali kontrih. Fil-fatt, dan tant fehmu l-avukat ta’ Azzopardi, li ma damx biex jissottometti lill-qorti li t-taħrika kontra l-klijent tiegħu tinsab preskritta.
M’hemm assolutament xejn ġdid f’dan kollu.
Madankollu kien hemm ħaġa li qatt qabel ma kont rajt bħalha. Kien hemm persuna dalgħodu li, hi u tagħti daqqa t’għajn lejn il-karti li l-prosekuzzjoni kellha quddiemha fl-awla, lemħet il-kopja taċ-ċitazzjoni li ġiet notifikata lil Frederick Azzopardi b’talba biex jattendi l-qorti dalgħodu.
B’linka blu, miktuba pulit fin-naħa ta’ fuq taċ-ċitazzjoni kien hemm dan il-kliem bl-Ingliż: “To call before being served” (“Ċempel qabel tinnotifika)”.
Dan il-kliem mhux tant diffiċli biex wieħed jifhmu. Ifisser li Frederick Azzopardi għandu jingħata trattament speċjali għax huwa minn tal-qalba ta’ madwar Joseph Muscat. Saħansitra dawk li ħarrkuh jemmnu li dan jeħtieġ trattament speċjali u għaldaqstant għandu jiġi avżat bl-edukazzjoni kollha li l-Pulizija ser tħarrku biex jitla’ l-qorti u dan qabel jiġi notifikat biċ-ċitazzjoni.
Din mhix kwistjoni ta’ etikett. Kull min jiġi mħarrek fil-qorti permezz ta’ ċitazzjoni ma jkunx avżat bil-quddiem. Ġaladarba uffiċjal tal-qorti jkun f’pożizzjoni li jaħlef li jkun innotifika ċitazzjoni personalment lill-akkużat, jekk l-istess akkużat jinjora dik iċ-ċitazzjoni u ma jitlax il-qorti, ikun ħati ta’ disprezz lejn l-istess qorti li minnu nnifsu jammonta għal reat kriminali.
Għaldaqstant meta l-Pulizija tavża bil-quddiem lil xi persuna li ser tinnotifikaha b’ċitazzjoni, tkun qed tistedinha biex tara kif tagħmel biex il-Pulizija tibqa’ ma tinnotifikahiex.
Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Pulizija għandha sserħilna rasna li dak li assistejna għalih fil-qorti ma kienx episodju minn xi farsa.
Hemm ukoll kwistjoni oħra. Fost il-grupp ta’ avukati li għandu Frederick Azzopardi biex jiddefenduh hemm ċerta Rachel Powell. Din qed tiddifendih mill-akkuża li, meta kien il-kap ta’ Infrastructure Malta, kiser il-liġijiet li jħarsu l-ambjent. Issa hawn hu l-bużillis. Rachel Powell hi wkoll l-avukat ta’ Infrastructure Malta. Kif jista’ xenarju bħal dan ma jinftehemx bħala kunflitt ta’ interess? Hawn għandna eżempju ieħor ta’ ekwivalenza falsa bejn aġenzija tal-gvern u l-ħalliel imqabbad biex imexxi l-aġenzija minn ħalliel ieħor li kien prim ministru. L-aġenzija u l-aġent mhumiex l-istess ħaġa. Dak li jkun mixli li wettaq delitt kriminali u li huwa responsabbli għall-aġenzija ikollu jġorr fuq spallejh il-konsegwenzi ta’ għemilu.
Iżda Frederick Azzopardi din mhux hekk se jifhimha.
Sadattant ninsabu f’sitwazzjoni assurda li fiha, biex jitgħattew xtur il-kriminali li ħatfu lill-istat, l-istat spiċċa jħarrek kontra lill-istat innifsu, b’aġenzija tal-gvern tħarrek oħra.
Ma tkunx ħaġa ta’ barra minn hawn li kieku kellna nsiru nafu li min kien iħaddem lil Frederick Azzopardi issa qed iħallas ukoll għas-servizzi legali ta’ waħda mill-avukati tiegħu.