Tat-Times of Malta kkwotaw it-tweġibiet li ta l-kelliem tal-PN għall-Intern lil “dawk kollha li skantaw bid-deċiżjoni tal-avukat u deputat tal-PN Joe Giglio li jiddefendi wieħed mill-akkużati u li fl-istess waqt qisu l-fatt ironiku li membru parlamentari tal-Oppożizzjoni qed jirrappreżenta lil min jinsab mixli b’korruzzjoni f’ħadma li wkoll jinsab imdaħħal fiha ministru tal-Partit Laburista.”

Giglio “tenna li m’għamel xejn ħażin billi aċċetta li jiddefendi lil wieħed mill-akkużati.”

Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li kitbet it-Times of Malta (maqluba għall-Malti) hi u tikkwota dak li għoġbu jistqarr Joe Giglio:

Il-korruzzjoni ma nistgħux niġġildulha jekk nippermettu t-tlugħ ta’ paraventi. Il-klijent (tiegħi) kien qed jobdi l-ordnijiet tas-superjuri tiegħu, li min-naħa tagħhom kienu qed jobdu l-ordnijiet tal-ministri. Ikun ħażin kemm-il darba s-setgħa tintuża biex jinħoloq ħaruf tas-sagrifiċċju. Din ma tkunx ġustizzja u huwa d-dmir tiegħi bħala avukat li niżgura li dan ma jseħħx.

Il-kunflitt ta’ interess Joe Giglio jaħseb li seta’ sab tarfu għaliex jidhirlu li r-rwol tiegħu bħala deputat parlamentari u kelliem dwar l-Intern ser ibati minħabba r-rwol l-ieħor tiegħu bħala avukat difensur. Tgħid ser titnaqqaslu l-ħila li jikkritika l-gvern dwar atti ta’ korruzzjoni meta wieħed mill-klijenti tiegħu huwa allegat li jkun wettaq dik il-korruzzjoni?

Jidhirli li r-reazzjoni ta’ Joe Giglio tqajjem mistoqsija akbar. Fil-fehma tiegħi għandna nwieżnu l-mod kif dan il-kunflitt jista’ jxejjen lir-rwol tiegħu bħala deputat parlamentari u bħala kelliem dwar l-Intern.

Fil-fehma tiegħi, fil-ħeġġa li wera biex “jiġġieled il-korruzzjoni”, Joe Giglio bla ma ried spara lejn saqajn il-klijent tiegħu hu u jagħti x’jifhem li l-klijent tiegħu obda ordnijiet illegali li kienu ngħatawlu mis-superjuri tiegħu li, min-naħa tagħhom, kienu rċevewhom direttament mingħand il-ministri.

X’aktarx li d-dmirijiet ta’ avukat li semma’ Joe Giglio jġiegħluh jagħżel l-ewwel u qabel kollox li jaqdi l-interessi tal-klijent tiegħu. Iżda ċertament huwa diffiċli li wieħed jifhem kif dawn l-interessi jistgħu jinqdew bis-saħħa ta’ ammissjoni li għamel fis-sens li l-klijent tiegħu kien kiser il-liġijiet kriminali iżda għamel dan biss għax hekk kien ġie ordnat jagħmel minn ta’ fuqu.

Kien hawn li ftakart f’dakinhar li Manwel Mallia, bħala avukat, iddefenda lill-aħwa Farrugia fil-każ – li s’issa għadu pendenti – dwar l-iskandlu taż-żejt tal-2013. Quddiem liema alla kien salla Manwel Mallia dak iż-żmien? Quddiem l-alla tal-klijenti tiegħu jew quddiem l-alla tat-tlugħ tiegħu fil-Parlament?

Fil-fehma tiegħi, mhuwiex possibbli għal dawk il-politiċi li jaħdmu wkoll bħala avukati difensuri fil-qorti kriminali li jaqdu żewġ vokazzjonijiet f’daqqa mingħajr ma joħolqu kunflitti.