Ix-xahar id-dieħel se nfakkru l-ħames sena minn meta l-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia brutalment ħasdu lil ħajjitha kif ukoll lix-xogħol tagħha. F’Ottubru se nagħlqu ħames snin nissieltu flimkien għal ġustizzja kemm għaliha kif ukoll għal familtha u għal pajjiżna. Ġlieda li għadha ma ntemmitx u li fadlilha snin twal qabel tintemm.

Repubblika, #occupyjustice, u din il-website, kif għamilna kull xahar għal dawn l-aħħar 60 xahar, se niltaqgħu biex niċċelebraw lil ħajjitha u lil xogħolha u biex nipprotestaw l-agħar inġustizzja li sarilha minn pajjiż ingrat. Inħeġġukom iżżommu d-data tas-16 ta’ Ottubru u l-ġranet ta’ qabel liberi sabiex tkunu tistgħu tieħdu sehem fl-attivitajiet importanti li se norganizzaw. Se jingħaqdu magħna numru ta’ mistednin distinti barranin li bħalna għandhom ammirazzjoni għal Daphne u biex juru r-rabja tagħhom għad-dewmien li qed ikun hemm biex issir ġustizzja magħha.

Bosta individwi u organzzazzjonijiet f’Malta u barra minn xtutna wkoll se jfakkru dan l-anniversarju traġiku u importanti. Waħda minn dawn hi l-organizzazzjoni Skoċċiża PEN li se tagħmel velja għal Daphne Caruana Galizia quddiem il-Parlament Skoċċiż f’Holyrood. Din l-attività se ssir fis-16 ta’ Settembru u ser tiftah xahar ta’ attivitajiet ta’ tifkira.

Tista’ taqra aktar dwar din l-attività hawnhekk.

Inħeġġukom tagħtu l-appoġġ tagħkom għal dawn l-attivitajiet bil-preżenza tagħkom u b’kull mod ieħor li tistgħu.