Mhux ministru tal-gvern wieħed – iżda tnejn – raw kif għamlu biex, minkejja l-piż kbir tar-responsabbiltajiet li għandhom, sabu l-ħin biex jitkellmu dwar kif nistgħu nsalvaw lill-pjaneta tagħna bis-saħħa ta’ “proġetti sostenibbli”.
Julia Farrugia Portelli u Miriam Dalli qalu li l-gvern mhuwiex jitkellem biss iżda qed idaħħal idejh fil-“but” biex jgħin lill-għaqdiet volontarji fl-isforzi li qed jagħmlu biex nilħqu n-newtralità karbonika u s-sigurtà fejn għandha x’taqsam il-klima.
Lill-għaqdiet volontarji ser jgħaddulhom is-somma ta’ €50,000 biex ikunu jistgħu jsalvaw id-dinja.
L-ispejjeż tal-konferenza stampa, li permezz tagħha ġiet dikjarata l-inizjattiva li bis-saħħa tagħha ser tiġi salvata d-dinja, mhumiex ser jinġabru minn dawn il-€50,000 għaliex ma tantx ser jifdal boqxiex x’jintraxx. L-ispejjeż tal-konferenzi stampa li fihom jitħabbru l-proġetti, taż-żjarat mill-istampa fuq proġetti li jkunu għadhom nofs leħja u dawk tal-konferenzi stampa li jsiru dwar kull proġett meta flus ma jkunx fadal, ser jitħallsu wkoll minn fond mhux dikjarat ta’ €500,000 użat biex jirreklama l-inizjattiva tal-€50,000.
Il-carbon footprint ikkawżata mill-attivitajiet għall-istampa biss mistennija tgħolli ‘l fuq t-temperatura tad-dinja b’0.3 gradi.
Imma l-aqwa li mmorru ngħidu li l-proġetti huma sostenibbli.
Għada biħsiebhom iħabbru għotja ta’ €7.37 lis-sindku ta’ Ġerusalemm biex jgħinuh isib tarf tal-kriżi fil-Lvant Nofsani u ser jattendu tliet ministri.