Iosif Galea, eks sieħeb fin-negozju ta’ John Dalli u vjaġġatur ma’ Joseph Muscat, ġie kundannat sentejn u nofs ħabs minn qorti Ġermaniża wara li nstab ħati ta’ evażjoni tat-taxxa aggravata.

Il-qorti tal-istat ta’ Frankfurt sabet lil Iosif Galea ħati talli evada b’kemm jiswew €1.7 million f’taxxi fuq perijodu ta’ 32 xahar bejn Mejju 2017 u Diċembru 2019. Fis-sentenza tagħha l-qorti Ġermaniża qalet li Iosif Galea naqas li jħallas 5% lill-istat Ġermaniż fuq id-dħul tiegħu minn imħatri fl-isport. Id-delitt huwa marbut mal-operat tiegħu bħala direttur ta’ Tipbet Limited.

Tipbet Limited hi kumpannija Maltija li sidha hu bniedem li għandu ċittadinanza Torka.

F’Ġunju li għadda waqt li Iosif Galea kien fil-kumpannija ta’ Joseph Muscat waqt btala fl-Italja, kienet il-Pulizija Taljana li arrestatu u għaddiet il-kustodja tiegħu lill-awtoritajiet tal-Ġermanja. L-arrest tiegħu seħħ wara li l-Pulizija Maltija naqset li twettaq mandat ta’ arrest internazzjonali li kien inħareġ kontra Iosif Galea.

Lill-awtoritajiet tal-Ġermanja, Iosif Galea kien talabhom jagħtuh permess biex iservi s-sentenza ta’ ħabs f’Malta. Lill-qorti qalilha li kien biħsiebu jieqaf jaħdem fl-industrija tal-gaming u jsegwi kors fil-marketing fl-Università ta’ Malta.

Bħalissa jinsab fil-ħabs ta’ Frankfurt.

Ftit wara l-arrest tiegħu fl-Italja, l-awtoritajiet Maltin ħarġu mandat ta’ arrest kontra Iosif Galea u qed jgħidu li jridu jħarrku fil-qorti lil Galea dwar ħruġ illegali ta’ informazzjoni mir-regolatur tal-gaming.

Skont rapport ta’ inkjesta interna tal-pulizija dwar ir-raġunijiet għala Iosif Galea kien tħalla jsiefer ripetutament minn Malta minkejja l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest internazzjonali kontrih, żewġ uffiċjali tal-pulizija kienu naqsu mid-dmir tagħhom li jarrestawh.

Lill-inkjesta interna, wieħed minn dawn l-uffiċjali sejħilha bħala “eżerċizzju ta’ relazzjonijiet pubbliċi” .