Lejlet l-elezzjoni ġenerali tal-2017 – elezzjoni li kienet issejħet sena qabel żmienha minħabba l-istorja li kienet kixfet Daphne Caruana Galizia dwar provi li kellu f’idejh il-Pilatus Bank li mart Joseph Muscat kienet irċeviet ħlasijiet illeċti mill-Ażerbajġan – Nadine Lia kienet tkellmet f’attività pubblika tal-Partit Laburista fil-preżenza ta’ Joseph Muscat. L-istejjer li kienu xxandru dwar dak li kien qed iseħħ fil-Pilatus Bank, għal Nadine Lia kienu biss ħafna għaġeb għalxejn. Kienet stqarret li “kulħadd jagħmel l-iżbalji. So what?” Is-sentenza kienet qatgħetha u mbagħad għaddiet biex tesprimi l-appoġġ pubbliku tagħha għall-elezzjoni mill-ġdid ta’ Joseph Muscat.

Agħtu daqqa t’għajn lejn il-filmat li xxandar illum minn Repubblika.

Issa Nadine Lia baqgħet tinsisti li, fil-konfront tagħha, m’hemm ebda kunflitt ta’ interess hi u tiddeċidi dwar sfida legali bil-qorti li Repubblika għamlet kontra l-kummissarju tal-pulizija biex jiġi dikjarat li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ inkjesta maġisterjali li ntemmet kważi sentejn ilu għandhom jiġu mwettqa, inkluż bil-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni dwar allegati ħlasijiet li kienu saru lil mart Joseph Muscat.

Din hi biss waħda mir-raġunijiet il-għala l-maġistrat għandha kunflitt ta’ interess. Hu u jippreżenta rikors kostituzzjonali li fih ilmenta li l-insistenza ta’ Nadine Lia li tkompli tisma’ l-każ mhu xejn ħlief ksur tad-dritt fundamentali tagħna li jkollna smigħ xieraq, Robert Aquilina ta raġunijiet oħrajn il-għala għandha twarrab.

Il-kunjatu tagħha, Pawlu Lia, kien deher għal Keith Schembri f’kawża ta’ libell meta dan kien ħa għalih talli kien issejjaħ “korrott”. Keith Schembri kellu kont mal-Pilatus Bank. Cheng Chen, is-sid tal-Macbridge, ukoll kellu kont mal-bank. Din il-kumpanija tad-Dubaj kienet ġiet identifikata mill-accountants ta’ Keith Schembri stess bħala s-sors ta’ flejjes li ħadd ma jaf minn fejn kienu ġejjin u li mbagħad ġew depożitati fil-kont tal-kumpanija li kellu fil-Panama.

Dan Pawlu Lia huwa wkoll l-avukat ta’ Joseph u Michelle Muscat. Din tal-aħħar huwa allegat li kienet irċeviet ħlasijiet permezz tal-Pilatus Bank. F’isem Joseph Muscat, kien Pawlu Lia stess li fassal it-termini ta’ riferenza tal-inkjesta Egrant.

Wara li Repubblika kienet ippreżentat l-ewwel oġġezzjonijiet tagħha għas-smigħ tal-kawża tagħna minn Nadine Lia, Pawlu Lia kien mar ifittex lil Robert Aquilina u qallu biex “iħallihom kwieti” – hawn kien qed jirreferi għalih innifsu u għal mart ibnu. Robert Aquilina llum stqarr li ma jistax jeskludi li b’diskorsu Pawlu Lia kien qed jipprova jwassallu messaġġ mingħand mart ibnu.

Il-maġistrat ippruvat ukoll tgiddeb il-provi li ppreżentat Repubblika u rrifjutat li titlob verifika dwar dak li kien qed jiġi allegat mingħand il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.

Nadine Lia għandha wkoll interess dirett fid-ditta legali ta’ Pawlu Lia għaliex żewġha, li wkoll huwa avukat, jaħdem hemm.

Sal-lum baqgħet tinsisti li għandha tkun hi li tisma’ l-kawża.