Dawk li baqgħu sal-lum jgħattu xtur Joseph Muscat ilhom għal snin twal jippruvaw jaħbu sigrieti li darba kienu maqfulin f’kaxxaforti miżmum fil-kċina tal-Pilatus Bank f’Whitehall Mansions, Ta’ Xbiex.
Wieħed mill-aktar qaddejja importanti ta’ Joseph Muscat kien il-ħabib u avukat tiegħu Pawlu Lia. Lia u Muscat ilhom midħla ta’ xulxin. Dakinhar li Joseph Muscat kellu jieħu l-ġurament bħala prim ministru, Pawlu Lia kien bilqiegħda jieħu l-kolazzjon miegħu ftit qabel il-Kink telaq minn daru biex jieħu b’id il-President.
Ma’ Joseph Muscat baqa’ ħobża u sikkina. L-investigazzjoni dwar il-Pilatus Bank kienet kważi messet qiegħ. Iżda l-qiegħ intmess dakinhar li l-Pulizija kienet bagħtet għal Joseph Muscat dwar flejjes li kien tħallas mingħand dawk li kienu xtraw tliet sptarijiet pubbliċi u kien talab li ma’ djulu jkollu wkoll lil Pawlu Lia.
Wara li Daphne Caruana Galizia kixfet l-istorja dwar Egrant għall-ewwel darba, Joseph Muscat kien stqarr li din l-istorja kien biħsiebu jinjoraha. Martu, Michelle, kienet stqarret li kienet ser tkompli taħdem “b’mod seren”. Iżda mbagħad, dakinhar tard bil-lejl, Joseph Muscat ħabbar li kien qabbad “lill-avukati tiegħu” biex jitolbu li ssir inkjesta maġisterjali dwar l-allegazzjoni li fil-Pilatus Bank teżisti prova jew evidenza li sidt il-kumpannija tal-Panama li nħolqot minn Brian Tonna, flimkien ma’ oħrajn li nħolqu għal Keith Schembri u għal Konrad Mizzi, kienet mart Joseph Muscat.
Joseph Muscat kien qabbad lil Pawlu Lia biex, f’ismu, jagħmel talba għat-tnedija ta’ inkjesta maġisterjali u kien Lia stess li fassal termini ta’ riferenza limitati ħafna li fuqhom kellu jimxi l-Maġistrat tal-inkjesta. Il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien Lawrence Cutajar xejn ma kellu għaġla u dam jistenna’ sal-għada sabiex jordna tfittxija fl-uffiċċji tal-Pilatus Bank. Sadattant, tul il-lejl ta’ qabel, kull prova li seta’ kien hemm twarrbet u nħarġet inkiss inkiss mill-bieb ta’ wara tal-bank.
Għaldaqstant l-inkjesta Egrant – proċess li sewa l-miljuni – ma wasslet għal imkien.
Tant seħħew delitti kriminali fil-Pilatus Bank, li l-kwistjoni ma tistax tieqaf hawn. Kienet saret inkjesta maġisterjali separata li fasslet lista sħiħa ta’ dawn id-delitti kriminali u li ordnat lill-Pulizija tieħu passi kriminali kontra numru ġmielu ta’ persuni. Din l-inkjesta kienet waslet ukoll għall-konklużjoni li l-inkjesta Egrant għandha tinfetaħ mill-ġdid u dan sabiex jerġgħu jiġu mgħarbla kwistjonijiet li ma kinux ingħataw l-importanza li kien jistħoqqilhom.
Il-konklużjonijiet ta’ din it-tieni inkjesta ilhom fuq xkaffa jiġmgħu t-trab għal aktar minn sena u nofs. Bħal ma’ diġà jaf kulħadd, Repubblika taf li l-inkjesta ngħalqet. Diġà ttieħdu passi bil-qorti kontra l-Pilatus Bank innifsu u kontra waħda mill-impjegati li kienet taħdem mal-bank. Fil-qorti l-Pulizija kkonfermat li l-inkjesta kienet ingħalqet.
Dak li Repubblika rnexxielha tikxef huwa l-fatt li l-maġistrat tal-inkjesta kien ordna li jittieħdu passi wkoll kontra numru ta’ persuni oħrajn, liema persuni baqgħu ma tħarrkux mill-Pulizija. Ripetutament Repubblika baqgħet tistaqsi x’kienet ir-raġuni għala dawn baqgħu ma ttellgħux il-qorti.
Sakemm imbagħad Repubblika ddeċidiet li tagħmel sfida legali lill-Pulizija u deherna quddiem il-Maġistrat li s-soltu taħdem fuq talbiet bħal dawn, jiġifieri Nadine Lia.
Nadine Lia tiġi l-mara ta’ iben Pawlu Lia.
Minn dakinhar li kien feġġ l-iskandlu Egrant, xogħol Pawlu Lia kien li jara li l-kobba tal-Pilatus Bank, mhux talli ma jinstabx tarfha, iżda li tkompli titħabbel. U dan biex ikomplu jitgħattew ix-xtur tal-klijent il-famuż tiegħu Joseph Muscat li allegatament għandu l-faħam miblul mal-Bank.
Mhix daqstant importanti l-kwistjoni dwar jekk kienx veru jew le li l-Pilatus Bank kien għamel ħlasijiet illegali lil Joseph Muscat. Li ċertament huwa importanti, iżda, huwa l-fatt li Pawlu Lia kien u għadu l-avukat ta’ Joseph Muscat u assistieh meta huwa kien ġie wiċċ imb wiċċ ma’ din l-allegazzjoni. Madwar xahrejn ilu Pawlu Lia deher fil-qorti f’isem Joseph Muscat u insista li Maria Efimova għandha tiġi mġiegħelha tixhed f’kawża ta’ libell li hemm pendenti kontra l-werrieta ta’ Daphne Caruana Galizia li, kif jaf kulħadd, kienet ġiet assassinata permezz ta’ karrozza-bomba.
Quddiem il-bini tal-qorti, il-president ta’ Repubblika Robert Aquilina llum spjega lill-ġurnalisti li Nadine Lia rrifjutat it-talba ta’ Repubblika biex hi tirrikuża ruħha mis-smigħ tal-kawża li saret biex iġġiegħel lill-Pulizija tobdi l-ordnijiet tal-maġistrat tal-inkjesta.
Il-Maġistrat Lia mhux biss għalqet għajnejha għall-kunflitt ta’ interess. Kapaċi kemm hi taħseb li hi kapaċi li tisma’ l-każ u li ġġib ruħha b’mod imparzjali, għandha turi li qed isseħħ il-ġustizzja. Kif qatt tista’ din tidher li hi imparzjali, hi u tiddeċiedi dwar talba biex tittieħed azzjoni kriminali kontra persuni li x’aktarx għandhom il-ħila li jikxfu għawwar il-klijent ta’ missier żewġha?
Din l-allegazzjoni baqgħet tberren għal 6 snin sħaħ. Maġistrat diġà kkonkluda li din l-allegazzjoni jistħoqqilha li tiġi mgħarbla mill-ġdid. U, quddiem Nadine Lia, Repubblika qed tinsisti li dawn il-konklużjonijiet tal-maġistrat m’għandhomx jibqgħu jiġu injorati.
Iżda lil min tafu, qatt m’għandek tistaqsi għalih. Nadine Lia, b’mod li bilkemm jitwemmen, appuntat kwistjoni – li kienet ilha tiġi injorata għal sena u nofs sħaħ – għas-smigħ fi żmien erba’ xhur u dan wara li ċaħdet talba għas-smigħ b’urġenza.
Aktar tard, lill-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali talbithom jinvestigaw dwar kif Repubblika kienet saret taf bil-konklużjonijiet ta’ inkjesta u dan bħallikieku din kienet xi kwistjoni rilevanti għall-każ li għandha quddiemha – jiġifieri: dak li qed issostni Repubblika huwa minnu jew le? U dawn il-konklużjonijiet għaliex baqgħu ġew injorati mill-Pulizija u mill-Avukat Ġenerali?
U issa, biex inkomplu ngħaxxquha, dak li sostniet Repubblika dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta l-Maġistrat Lia ddikjarat li hu biss “detto del detto” u din id-dikjarazzjoni sejsitha fuq l-istqarrija li għamlu l-Pulizija u l-Avukat Ġenerali fis-sens li huma ma kinux għaddew kopja tal-inkjesta lil Repubblika. Lill-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali, il-Maġistrat Lia ma talbithomx jgħidulha jekk dak li qed tallega Repubblika huwiex minnu jew le.
Nadine Lia saħansitra waslet biex staqsiet jekk l-inkjesta fil-fatt kinetx saret – aħseb u ara kemm kienet intemmet – ħaġa li l-Maġistrat setgħet staqsiet dwarha lill-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali. Jekk mhux ukoll fittxet dwarha fil-Google.
Iżda dan ma setgħetx tagħmlu, hux hekk? Għaliex mingħand missier żewġha – l-abbli Pawlu Lia li kien proprju hu li fassal it-termini ta’ riferenza tal-inkjesta Egrant – tgħallmet li qatt m’għandek tagħmel mistoqsijiet li ma tkunx taf bil-quddiem kif ser jiġu mwieġba. U b’dan il-mod tkun tista’ wkoll tevita li tagħmel mistoqsijiet li ma jkunux fl-interess ta’ Joseph Muscat.
Dan hu l-mostru li għandna ma’ wiċċna. Din hi proprju r-raġuni l-għala konna ġġilidna u rreżistejna kemm flaħna biex lil Joseph Muscat ma nħalluħx jaħkem lill-ġudikatura. Ħaġa li rnexxielna nagħmluha bis-saħħa ta’ battalja legali li konna bdejna fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u dan wara li Muscat kien diġà għoddu mela lill-ġudikatura bin-nies tiegħu. Nadine Lia hi waħda minn dawn.
Issa qed isservi ta’ għodda biex jinqeda Joseph Muscat.
Repubblika qatt ma wegħdet li ser issib tarf ta’ dak li ilu jiġi mistur għal tant żmien.
Iżda wegħdet li ser tibqa’ tirsisti.
Għalhekk qegħdin hawn.