Sandro Camilleri għadu kemm inħatar kap tal-anti-money laundering unit tal-korp tal-Pulizija. F’moħħi dan l-imbierek nistħajlu qisu karikatura tiegħu innifsu. Madwar 4 snin ilu kont ktibt artiklu dwaru bit-titlu Inspector Big.
Bosta huma dawk li qed itellgħu ritratti mill-album ta’ Sandro Camilleri fil-mezzi soċjali. U ttellgħu wkoll links għaż-żmien li matulu Daphne Caruana Galizia kienet tellgħet filmat tiegħu hu u jitkellem f’isem uffiċjal tal-pulizija li kien issawwat waqt li kien frank.
Dakinhar ma kien qal xejn ħażin, għalkemm ma qalx wisq. L-aktar li spikkaw dakinhar kienu t-ton u l-għażla ta’ kliemu u l-mod li bih ġab ruħu. Stħajjiltu bħallikieku kien parodija ħajja ta’ xi SS-Standartenjunker f’xena mis-sensiela ‘Allo! ‘Allo!
Hawn ukoll min qed itella’ ritratti ta’ Sandro Camilleri hu u jieħu sehem f’attività tal-Partit Laburista bħala wieħed mill-membri Tagħna Lkoll ixejjer il-bandiera għal Joseph Muscat u fl-istess waqt jurina l-qawwa soda ġmielha tal-muskoli li għandu fi driegħu. Insomma, kollox fis-snin tal-glorja tal-Aqwa Żmien.
Dawk li tellgħu dawn ir-ritratti fil-mezzi soċjali m’għamlux hekk biex jiżżuffjettaw bih. Għamlu dan biex juru n-nuqqas ta’ serjetà fil-ġlieda li suppost qed tagħmel Malta kontra l-ħasil ta’ flus maħmuġin. “Ġlieda” li matulha Malta eżentat lil ċerti politiċi, li Sandro Camilleri tant jammira, mill-konsegwenzi tal-imġiba kriminali tagħhom.
Kull darba li nikteb dwar ħatriet bħal dawn, bejni u bejn ruħi nibqa’ nittama li jista’ jkun li m’għandix raġun għaliex ċertament ma jfissirx li kull min ivvota Labour fl-2013 mhuwiex kapaċi li jwettaq ix-xogħol tiegħu b’kuxjenza nadifa. F’mumenti bħal dawn nipprova nieħu attitudni moderata, ta’ fiduċja fil-kwalitajiet tal-bniedem u ta’ tama li saħansitra anki min kien belagħha sa griżmejh li Malta kellha bżonn fit-tmun lil xi ħadd bħal Joseph Muscat, jaf jisgħobbih b’dak li għamel b’idejh.
Insib ruħi nittama li dak li ser ikun is-suċċessur ta’ Ian Abdilla ma jkunx irid li ismu jiċċappas pubblikament kif kien iċċappas isem Abdilla. Li min ser jeħodlu postu ikun irid jibqa’ jiġi mfakkar bħala dak li mexxa b’mod differenti u li ma ppermettiex provi u evidenza dwar ħmieġ imwettaq mill-ministri jibqgħu jiġmgħu t-trab fuq xi xkaffa mwarrba.
Qed insib ruħi nittama li Sandro Camilleri għad jissorprendina. Li l-lealtà lejn il-partit, xi tendenzi faxxisti li jammiraw l-awtorità tal-uniformi u ebda preġudizzji li jista’ jkollu mhuma ser iżommuh milli jinforza l-liġijiet mingħajr ma jħares lejn l-uċuh.
Iżda mbagħad ħsibijieti llum imorru fuq dawk li ħaslu l-flus maħmuġin tagħhom frott il-korruzzjoni, it-traffikar u delitti oħra li kellhom il-protezzjoni ta’ Joseph Muscat u tal-klikka tiegħu, huma u jaqraw li Sandro Camilleri tqabbad biex jagħmlilhom l-għassa.
Ma naħsibx li qed jagħmlu taħthom bil-biża’.
Nistħajjilhom qed jiċċelebraw għax nstab ieħor li ser jagħlaq għajnejh u jħallihom jibqgħu jgħadduha lixxa.