Bħallikieku ma kienx diġà biżżejjed li tara maġistrat iġġib ruħha bħall-vavi waqt seduta fil-qorti, Nadine Lia qrat id-digriet tagħha, injorat talba ta’ avukat ta’ wieħed mill-partijiet biex ikun jista’ jitkellem u bilġri lebbtet ‘il barra mill-awla.

Din ix-xenata kienet diġà biżżejjed biex tqanqal stmerrija. Iżda l-maġistrat kompliet tgħaxxaqha bir-reazzjoni tagħha għal dak li nġibdilha l-attenzjoni dwaru meta kitbet “digriet” li permezz tiegħu qalet li ħadd ma kien talabha biex jingħata permess li jitkellem.

Ma taħsbux li dawn mhuma xejn ħlief vavati? Huma vavati mill-bidu sal-aħħar iżda jqanqlu wkoll mistoqsija fundamentali: kif qatt tista’ tkun imparzjali l-Maġistrat Nadine Lia hi u tisma’ kawża miġjuba minn Repubblika fl-isfond tal-kritika li saret minn Repubblika fil-konfront ta’ missier żewġha Pawlu Lia, l-avukat personali ta’ Joseph Muscat?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tinsab fl-imġiba tagħha stess. M’hemmx dubju li ma tista’ qatt titqies bħala ġudikant imparzjali. Fl-istadju li wasalna fih, jidher li għadha ma ntebħitx li hi ma tista’ qatt tkun imparzjali minħabba l-kunflitti ċari ta’ interess li għandha. Bħallikieku ma kienx diġà biżżejjed meta għażlet li tlebbet ‘il barra mill-awla b’suppervja, issa għażlet li tigdeb ukoll dwar kif svolġew il-fatti.

Ma nistax infisser lili nnifsi bi kliem aktar ġentili dwar dak li seħħ ftit tal-ġranet ilu u mhux ser noqgħod inlaqlaq: il-maġistrat qed tigdeb.

U issa l-kwistjoni kollha hi l-maġistrat innifisha. Skjerat ruħha ma’ naħa waħda kontra naħa oħra. Għaldaqstant ma’ tistax titqies bħala ġudikant imparzjali.

U issa dak li fehem kważi kulħadd, hi tidher li għadha ma fehmitux.