Stqarrija ta’ Repubblika, #occupyjustice, u manueldelia.com:
DIMOSTRAZZJONI TA’ PROTESTA: IRRIDU AZZJONI KONTRA L-KORRUZZJONI!
Kuljum aħna l-Maltin u l-Għawdxin insiru nafu b’fatti ġodda ta’ korruzzjoni. Minkejja dan, l-impunità għadha r-regola. Hawn klassi ta’ politiċi u nies qrib tagħhom li huma meqjusa minn elementi fl-istituzzjonijiet li ma jista’ għalihom ħadd.
Għalina dan mhux aċċettabbli. M’aħniex ser nittolleraw li f’pajjiżna jibqa’ jkun hawn klassi ta’ nies li jitqiesu li huma ’l fuq mil-liġi. Ma rridux nisimgħu aktar paroli. Irridu azzjoni konkreta.
Il-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għadhom strumenti ta’ impunità għall-politiċi u dawk qribhom bħal meta kienu mmexxija minn Lawrence Cutajar u Peter Grech.
Angelo Gafà u Victoria Buttiġieġ saħansitra irrifjutaw li jmexxu kontra l-klikka tal-Pilatus Bank, minkejja li kienu ordnati jmexxu kontrihom minn Maġistrat Inkwirenti.
Dalgħodu smajna b’fatti ġodda li jispjegaw iċ-ċirkustanzi li fihom Joseph Muscat u Konrad Mizzi wikkew lill-Poplu Malti bil-kuntratt korrott tal-Electrogas.
Repubblika, Occupy Justice u manueldelia.com qed isejħu dimostrazzjoni ta’ protesta bit-tema: “IRRIDU AZZJONI KONTRA L-KORRUZZJONI” għal nhar it-Tlieta 6 ta’ Settembru fil-Belt Valletta, fis-7.30 pm. Id-dimostrazzjoni tibda minn quddiem Wembley Store fi Triq ir-Repubblika.
Meta d-dismostrazzjoni tasal fi Pjazza l-Assedju l-Kbir, il-President ta’ Repubblika ser jiżvela kelma b’kelma l-ordni li ta l-Maġistrat Inkwirenti lill-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali fl-Inkjesta tal-Pilatus Bank, liema ordni ma ġietx obduta.
Nappellaw lill-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba biex jingħaqdu magħna nhar it-Tlieta filgħaxija fl-isforz tagħna biex innaddfu lil pajjiżna.