Dalgħodu fil-qorti lil 4 maġistrati, li bħalissa għaddejjin b’xogħol fuq inkjesti b’rabta mal-allegazzjonijiet dwar korruzzjoni, Repubblika infurmathom bir-rapport li xxandar ilbieraħ minn The Shift News, liema rapport akkwistatu id-Daphne Caruana Galizia Foundation permezz ta’ talba taħt il-Freedom of Information.

Il-ftehim li kien intlaħaq f’April 2015 bejn il-gvern Malti u s-SOCAR Trading SA sal-bieraħ kien għadu sigriet tal-istat. Il-gvern lanqas biss ried jammetti l-eżistenza tiegħu u ċaħad diversi talbiet biex jixxandar il-ftehim sakemm ġie ordnat li jagħmel dan permezz tal-proċess FOI.

Malli xxandar il-ftehim, malajr fhimna x’kienu r-raġunijiet wara dan il-ħabi kollu. Bis-saħħa tal-imsemmi ftehim, il-gvern kien intrabat ma’ Socar li jagħmel tajjeb għad-djun tal-Electrogas permezz ta’ garanzija kemm-il darba dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jħallsuhom.

Kien bis-saħħa ta’ din il-garanzija li tal-Electrogas setgħu jiffirmaw ftehim biex jixtru l-fuel biex ikunu jistgħu jħaddmu l-impjant tal-produzzjoni tal-elettriku.

Il-kxif ta’ dan il-ftehim ikompli jkabbar id-dubji dwar il-legalità tal-kuntratt li kien ġie ffirmat bejn l-Enemalta u l-Electrogas. Dakinhar li tal-Electrogas rebħu l-offerta biex jipprovdu l-elettriku lill-Enemalta, il-kompetituri tagħha għall-kuntratt ma kinux ingħataw l-għażla li jingħataw garanzija fuq l-inpenji li jkunu saru mal-fornitur tal-fuel. Il-fatt li din il-garanzija mill-gvern spiċċat biex ingħatat hi raġuni oħra biex iġġiegħel lill-konpetituri fuq l-offerta li jilmentaw li kienu twarrbu inġustament u illegalment.

Il-ftehim jidher li ukoll li jikser il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea li jipprojbixxu l-għoti ta’ għajnuna u ta’ sussidji mill-gvernijiet ħlief f’ċirkostanzi speċifiċi u dment li l-għajnuna jew is-sussidji jkunu awtorizzati.

Il-bieraħ The Shift News irrappurtat li l-awtoritajiet Maltin kienu ffirmaw il-ftehim mas-Socar minn wara dahar il-Kummissjoni Ewropea fiż-żmien meta din kienet qed tgħarbel il-kuntratt tal-Electrogas biex tiżgura li r-regolamenti dwar għajnuna mill-istat ma kinux inkisru. Eventwalment il-Kummissjoni għaddiet il-kuntratt tal-Electrogas mill-għarbiel.

Dalgħodu Jason Azzopardi f’isem Republika ippreżenta notamenti fl-atti ta’ erba’ inkjesti separati: dawk dwar l-Electrogas, is-17 Black, l-imtieħen tar-riħ tal-Montenegro u l-konċessjoni lill-Vitals ta’ tliet sptarijiet pubbliċi. Bis-saħħa ta’ dawn l-inkjesti, qed jiġu investigati aspetti tal-konġura korrotta li seħħet fiż-żmien li Joseph Muscat kellu t-tmun tal-pajjiż f’idejh.

Sal-lum, ħadd ma tressaq il-qorti biex iwieġeb għall-konsegwenzi kriminali ta’ dawn l-iskandli.

Repubblika, #occupyjustice u din il-website ser jorganiżżaw protesta għal għada fis-19:30 fi Triq ir-Repubblika, Valletta biex tittieħed azzjoni kontra l-korruzzjoni. Il-protesta tibda minn quddiem il-Wembley Stores.