F’Ġunju tal-2020 The Shift News u jien tgħidx kemm konna qlajna kritika mingħand il-Kamra tal-Avukati. Din kienet tkellmet dwar ir-rapporti u l-kummentarji li xxandru fil-konfront ta’ Aron Mifsud Bonnici. Il-Kamra kienet ħarġet stqarrija b’sinjal ta’ appoġġ għal Mifsud Bonnici u “kkundannatna bla riżerva” u saħansitra spjegatilna kif kellha tkun l-imġiba ta’ “ġurnalist serju” u dan għaliex la jien u lanqas The Shift News m’aħna serji f’xogħolna.

Din kienet it-tweġiba tiegħi dak iż-żmien.

Fil-qosor, jien kont ktibt li Aron Mifsud Bonnici mhux biss huwa avukat iżda wkoll jifforma parti ewlenija mill-manuvrar politiku tal-klikka ta’ Joseph Muscat, b’mod partikolari ta’ Konrad Mizzi. Dan il-fatt, kif ukoll il-fatt li Mifsud Bonnici kien inħatar f’karigi pubbliċi, jiġġustifika l-iskrutinju tal-imġiba tiegħu. Kull “ġurnalist serju” kien jagħmel l-almu kollu tiegħu biex jipprova jitkixxef dwar dak li dan kien qed jagħmel u mbagħad jikkundanna kull imġiba illegali jew li tmur kontra l-etika li jkun wettaq.

Kif jgħid il-Malti, kulħadd baqa’ b’li ħa. Il-Kamra tal-Avukati qabżet għal membru tagħha u lill-ġurnalisti li kienu investigaw l-imġiba tiegħu sejħitilhom ġurnalisti “mhux serji” li jfisser li ma kinux ġurnalisti kompetenti u tal-affari tagħhom.

X’tagħmel?

Fid-dawl tal-iżviluppi riċenti, min jaf jekk il-Kamra tal-Avukati ndenjatx ruħha tistaqsi lil Aron Mifsud Bonnici jispjega n-negozjar bil-bitcoin li għamel ma’ Yorgen Fenech li, skont il-fehma ta’ prosekuturi lokali, kien sar minn Yorgen Fenech biex jixtri l-armi tan-nar minn fuq id-dark web? X’kien qed jixtri Aron Mifsud Bonnici? Dan in-negozjar kien iddikjarah? Dan il-ħlas kien parti mid-dmirijiet professjonali tiegħu u, jekk it-tweġiba hi “iva”, min hu l-klijent li kien assista dak iż-żmien? F’isem min kien għamel il-ħlas?

M’jiniex qed ngħid li Aron Mifsud Bonnici kien jaf li l-ħlasijiet li għamel kienu ser jintużaw għax-xiri illegali ta’ armi tan-nar jew li kien jaf dawn l-armi għal liema skop kienu ser jintużaw.

Madankollu ġurnalist serju ma jista’ qatt jasal biex jifhem għalkollox l-imġiba kriminali ta’ Yorgen Fenech u dik tal-klikka ta’ Joseph Muscat mingħajr ma jkun fehem ukoll ir-rwol f’dan kollu ta’ Aron Mifsud Bonnici.