Il-bidla soċjali tista’ sseħħ biss bis-saħħa tat-tixrid tal-edukazzjoni. Għal snin twal, tgħallimna r-regoli tal-iġjene mingħand it-tfal li, min-naħa tagħhom, ikunu tgħallmuha minn fuq il-bankijiet tal-iskola. L-istess jista’ jingħad għall-oqma tal-ambjent u tal-konsum ta’ ikel bnin: huma proprju t-tfal li jmissu l-kuxjenza tal-ġenituri tagħhom.
Lill-mafja wieħed jista’ jiqfilha billi jippromwovi l-ħidma tal-istituzzjonijiet kif ukoll lill-isforzi li jsiru biex jinqabdu u jiġu kastigati l-kriminali. Iżda sabiex tinqered il-kultura tal-mafiosità, l-ammirazzjoni għall-illegalità u t-tfittxija tal-interessi personali li ma tħalli ebda wisa’ għas-sens ta’ komunità u tal-istat, ikun jeħtieġ li t-tfal igħallmu lill-ġenituri tagħhom.
Is-soċjetà ċivili fi Sqallija b’dan il-mod kienet wieġbet għal din il-mafiosità wara li kien seħħ il-qtil ta’ Giovanni Falcone, Paolo Borsellino u ta’ tant vittmi innoċenti oħra tal-mafja. Ma weġbitx biss bil-protesti u bit-twarrib ta’ dawk il-politiċi li għamlu l-kompromessi mal-mafja, għalkemm dawn kienu importanti wkoll. Is-soċjetà ċivili nfirxet fil-klassijiet tal-iskejjel, ħeġġet lill-għalliema u għallmet lit-tfal dwar l-importanza tar-responsabbiltà ċivili. Biex b’hekk it-tfal bdew iwiddbu lill-ġenituri tagħhom.
Ma kienx messni skantajt dakinhar li, minn fuq it-televiżjoni, rajt u smajt lil Karl Stagno Navarra jsemmi xi għalliema b’isimhom talli dawn kienu talbu l-permess tal-ġenituri biex lill-istudenti tagħhom igħallmuhom dwar ħajjet u ħidmet Daphne Caruana Galizia. Il-mafja taf ben tajjeb li tista’ tingħeleb kemm il-darba l-ġenerazzjoni li tiela’ tiġi mgħallma biex ma tibżax minnha. Għaldaqstant il-mafja twieġeb għal dan bl-arma tal-intimidazzjoni. Minn fuq it-televiżjoni Karl Stagno Navarra pprova jxewwex lil dawk il-ġenituri maħkumin mill-mafiosità kontra dawk l-għalliema li għandhom sens ċiviku. Proprju hekk taħdem il-mafja: tuża l-arma tal-intimidazzjoni biex tipprova tkissrek. U tagħmel ukoll użu sħiħ mill-omertà.
L-omertà taf tieħu diversi forom. Iżda ħassejtni aktar diżappuntat meta smajt li l-kabinett tal-ministri ddeċieda li, fl-okkażjoni tal-ħames sena mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, m’għandha ssir ebda tifkira fl-iskejjel tal-gvern.
“Il-Ġurnalista“, ktieb ta’ Gattaldo maqlub għall-Malti minn Immanuel Mifsud u mitbugħ mill-Klabb Kotba Maltin, għandu jiftaħ triq ġdida. Dan huwa biss il-bidu ta’ inizjattiva li qed tittieħed mis-soċjetà ċivili kontra l-kriminalità organizzata. Nistgħu nibqgħu nipprotestaw ġimgħa wara ġimgħa. Nistgħu nkomplu niftħu l-kawżi u nkaxkru lill-uffiċjali pubbliċi lejn il-qorti biex inġiegħluhom jaqdu dmirhom.
Iżda dan m’huwiex biżżejjed.
Il-bidla sseħħ tassew dakinhar li post il-ġenerazzjonijiet tagħna – ġenerazzjonijiet li jinsabu maħkumin mir-regħba, mill-flus, mill-kompromessi, mill-klijenteliżmu, mill-mentalità ta’ “nirranġaw” u ta’ “naħxi biex nimxi“ – jittieħed minn ġenerazzjoni żagħżugħa li għajnejha jkunu nfetħu bis-saħħa tal-iżbalji tagħna. Tkun għamlet l-akbar differenza l-memorja ta’ ħajjet u ħidmet Daphne Caruana Galizia dakinhar li tieħu postha ġenerazzjoni magħmulha mill-qarrejja tagħha li tkun ħielsa mit-tribaliżmu u min-nepotiżmu ta’ żminijietna.
Il-ktieb ta’ Gattaldo m’huwiex ser jixtered fost kull tifel u tifla tal-iskola li għandhom bejn is-7 u t-12 il-sena. Dan għaliex il-biċċa’ l-kbira tas-sistema tal-iskejjel tinsab maħkuma mill-mafiosità, jew għaliex hi kontrollata minnha jew għaliex tant hi ntimidata li tagħżel li żżomm fommha sieket. Dawk il-ftit għalliema kuraġġjużi li jgħallmu l-ġustizzja lill-istudenti tagħhom u li ta’ sikwit ma’ wiċċhom isibu ġenituri rrabjati – bħal dawk li jħobbu jiggustaw lil Michelle Muscat hi u tiffanfra fuq l-Instagram bit-tlellix tal-basktijiet tad-ditta – m’humiex biżżejjed biex tinbidel il-kultura ta’ ġenerazzjoni ġdida.
Kull tifel u tifla ta’ bejn is-7 snin u t-12 il-sena li taf, kull neputi u neputija, kull tifel jew tifla tal-ġirien – b’mod partikolari dawk li l-ġenituri tagħhom ta’ sikwit jehdew bid-daqq tad-diska Viva l-Lejber – għandu jkollhom kopja ta’ dan il-ktieb. Ixtri kaxxa minnhom u qassamhom. Qassamhom f’għeluq snin it-tfal, kull Milied, kull festa tal-Ewwel Tqarbina jew tal-Griżma biex b’hekk il-mentalità ta’ “ġib ‘l hawn u tieħu xejn” tinbidel f’waħda li tkun ta’ ġid għall-komunità.
Dan il-mostru nistgħu neqirduh bis-saħħa tal-edukazzjoni.