Il-kaċċaturi qalu li din hija l-prova – jekk tista’ ssejħilha hekk – li dejjem kien hemm il-ħsieb li l-inħawi tal-Miżieb jingħataw lilhom biex ikunu jistgħu jipprattikaw il-passatemp tagħhom. Fl-2011, fi żmien meta Karmenu Mifsud Bonnici kien diġà ilu barra mill-gvern għal 24 sena, l-eks prim ministru kien kiteb ittra sabiex il-kaċċaturi f’idejhom ikollhom prova li kienet il-“politika” tal-gvern immexxi minnu li jgħaddi l-Miżieb f’idejhom
Imbilli? So what?
Hemm għalfejn noqgħod insemmi waħda waħda l-punti tal-politika tal-gvern ta’ Karmenu Mifsud Bonnici li llum m’għadhomx igħoddu u li m’humiex mixtieqa? Meta kiteb l-ittra lill-kaċċaturi fi Frar 2011, Muammar Gaddafi kien għadu mimli bil-għomor. Forsi sieħbu l-mexxej Libjan lil KMB kien messu talbu jikteb ittra dwar kemm KMB għandu grazzja miegħu li mbagħad seta’ juriha lil dawk li, ftit xhur wara, kienu kaxkruh ‘il barra minn katusa.
M’huwiex fatt tassew ironiku li ftit tal-ġranet wara li ġie nieqes Karmenu Mifsud Bonnici, kellu jkun in-neputi tal-mexxej ta’ qablu Duminku – jiġifieri Lawrence Mintoff – li b’sentenza li ta ddeċieda li l-wegħdiet u l-politika ta’ KMB ma kienu jiswew xejn?