Kull min isegwi l-ħidma ta’ Repubblika jew ta’ dan il-blog ta’ sikwit semgħana nilmentaw li, kull darba li nieħdu passi bil-qorti, qed inkunu kostretti li nġibu prova li għandna interess fil-kawża li nkunu bdejna.

L-interess, f’sens legali, huwa punt rilevanti għal min jidħol il-qorti minħabba xi kwistjoni li jista’ jkollu ma’ ħaddieħor. Jekk sid id-dar ta’ faċċata tiegħek qed iwettaq xogħol fil-proprjetà tiegħu b’traskuraġni kbira tant li qed jikkawża ħsara fid-dar ta’ maġenbu, huwa xogħol sid id-dar ta’ maġenbu li jieħu passi bil-qorti biex iwaqqaf il-ħsara.

Iżda meta Repubblika tilmenta fil-qorti li l-pulizija ħalliet lil Ali Sadr igħaddiha lixxa, dan ma nkunux qed nagħmluh għax niddilettaw nilħqu s-slaleb ta’ ħaddieħor. Lilna x’differenza tagħmlilna? Ejjew ma noqgħodux nargumentaw dwar l-interess pubbliku u l-attiviżmu tas-soċjetà ċivili fil-qorti. Ejjew ngħidu biss li, ġaladarba l-liġi tagħtina d-dritt li nilmentaw (u dan huwa fatt sagrosant), dan id-dritt ħadd ma jista’ jiċħadulna billi jgħid li aħna m’għandna x’naqsmu xejn mal-każ.

Din il-kitba m’hix intiża biex tikkonvinċik. Madankollu nistiednak taqra artiklu li xxandar illum fit-Times of Malta miktub minn Kevin Aquilina, Austin Bencini, Giovanni Bonello u Tonio Borg li huma persuni tal-lant fejn jidħlu kwistjonijiet bħal dawn. 

B’mod partikolari, aqraw x’jaħsbu dawn l-imħuħ legali dwar x’setgħet kienet ir-raġuni l-għala Repubblika dan l-aħħar tilfet il-kawża dwar nuqqas ta’ smiegħ xieraq wara li Nadine Lia baqgħet tirrifjuta li tirrikuża ruħha milli tkompli tisma’ l-kawża li bdiet Repubblika kontra l-pulizija u dan talli dawn naqsu li jħarrku lil Ali Sadr u li xi oħrajn.

L-avukati staqsew: “tgħid dan it-titubar kollu sabiex NGO tingħata smiegħ xieraq għandu x’jaqsam ma’ xi biża’ li tingħata sentenza fuq il-mertu ta’ każ li għandu bixra politika?”.

“Wieħed jittama li dan m’huwiex il-każ””.

J’Alla li m’huwiex.