Bejn id-doveri tal-politiċi li jmexxu l-gvern u dawk tal-impjegati tal-gvern suppost għandu jkun hemm distinzjoni netta. Il-politiċi li jmexxu l-gvern qegħdin hemm biex ifasslu l-politika u jippromovuha. L-impjegati tal-gvern, ikollhom kemm ikollhom dubji dwar din il-politika, huma mistennija li jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex iwettquha.

Huma u jwettqu din il-politika, l-impjegati tal-gvern jeħtieġ li jkunu apolitiċi biex b’hekk ir-riedni tal-gvern ikun jista’ jgħaddi minn partit għal ieħor b’mod demokratiku, stabbli u mingħajr skossi. Il-politika tal-gvernijiet taf tinbidel mingħajr wisq skossi u dawk li jwettqu l-politika għandu jkollhom l-esperjenza u l-memorja istituzzjonali ta’ żmien li huwa ferm itwal minn dawk il-ftit tas-snin li matulhom partit ikollu f’idejh ir-riedni tal-gvern.

Meta s-servizz ċivili jsir ħaġa waħda mal-uffiċjali politiċi li jmexxuh, ikun ifisser li l-gvern iqis li ebda demokrazija ma tista’ xxekklu milli jagħmel dak li jfettillu.

Dan ir-riklam li xxandar fil-paġna tal-Facebook tas-servizz pubbliku m’huwiex jipprovdi informazzjoni lill-klijenti dwar xogħol is-servizz pubbliku. Iżda qed jippromwovi l-politika tal-gvern u jpinġi kollox f’dawl sabih daqslikieku kien propaganda ta’ partit politiku.

Aġir bħal dan m’huwiex aċċettabbli