Agħtu daqqa t’għajn lejn dan l-artiklu tal-Prof. Kevin Aquilina li xxandar fil-ħarġa tal-bieraħ ta’ The Malta Independent. Il-Prof. Aquilina huwa għalliem u riċerkatur tal-liġi fl-Università. M’huwiex wieħed li għandu xi grazzja kbira ma’ Repubblika. Xi ġranet ilu, huwa ħadha kontrina dwar id-deċiżjoni li ħadna dwar il-każ Pilatus li permezz tagħha antiċipajna l-possibilità ta’ ħruġ ta’ ordnijiet mill-qorti u ddiskutejna l-provi li nġabru fil-magħluq li kellna f’idejna u dan permezz tal-pubblikazzjoni tal-ktieb ta’ Robert Aquilina. Aħna xorta jidhrilna li d-deċiżjoni li ħadna kienet waħda f’lokha. Iżda l-punt m’huwiex dan.
F’dan l-artiklu fil-Malta Independent, Kevin Aquilina jitkellem dwar dan il-punt u jirreferi għall-istat li jinsabu fih l-istituzzjonijiet Maltin – dawk li Robert Abela ta’ sikwit iwissina li jeħtieġ li nħalluhom jaħdmu – u jikkonkludi li Malta hi stat li “ma jiffunzjonax”. Jew inkella stat li ma jiffunzjonax fl-interess pubbliku, iżda fl-interess ta’ xi wħud li f’idejhom għandhom is-setgħa.
Huwa kiteb li l-instituzzjonijiet li għandna qegħdin hemm biss biex jimlew il-kwestjonarji li jibgħatulhom l-aġenziji internazzjonali u li ma jagħmlu xejn biex b’xi mod jistgħu jikkonfrontaw u jirreżistu l-kapriċċi tal-prim ministru. L-istituzzjonijiet tagħna jew huma siekta, inkella dgħajjfin, maħkumin jew saħansitra anki kompliċi.
Ma nafx jekk Robert Abela kienx leħaq qara’ l-artiklu li xxandar il-Ħadd filgħodu qabel għamel il-priedka tiegħu tal-Ħadd fuq l-istazzjon tar-radju tal-partit tiegħu. Li kieku aċċetta li jiġi ntervistat minn ġurnalista – kif wara kollox jagħmlu prim ministri f’pajjiżi demokratiċi – kien forsi jiġi mistoqsi dwar dak li kkonkluda Kevin Aquilina u kien jintalab iwieġeb. Minflok, kellna lil Robert Abela jitkellem dwar dak li kkonkluda mill-prespettiva tiegħu biss.
Robert Abela stqarr li l-PN kien “leħaq il-qiegħ” dakinhar li talab lill-Pulizija sabiex tinvestiga lilu u lil oħrajn dwar l-iskandlu tal-isptarijiet u pparaguna din it-talba mal-kwerela kriminali li Repubblika kienet għamlet fl-2020 dwar id-deċiżjoni tiegħu li jabbanduna 12 il-ruħ li spiċċaw mietu mgħarrqin. Din it-talba pparagunaha wkoll ma’ kawża li kienu għamlu kontra l-gvern wħud li kienu ġew salvati (flimkien mal-familjari ta’ tnejn mill-vittmi) talli kien inkiser id-dritt tagħhom għall-ħajja. Din il-kawża kienet ġiet appoġġjata minn Repubblika.
Skont Robert Abela, Repubblika hi l-“fazzjoni estremista” tal-PN. Seta’ forsi ftakar li ta’ qablu u l-klikka tiegħu ilhom taħt investigazzjoni kriminali dwar l-abbużi li wettqu fil-kwistjoni tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet għal madwar erba’ snin u dan grazzi għal din il-“fazzjoni estremista”.
Biex qed jiddejjaq Robert Abela? La Repubblika u lanqas il-PN m’għandhom is-setgħa li jaqfluh il-ħabs. Jista’ biss jinqafel il-ħabs kemm il-darba l-Pulizija jkollha provi li twettaq delitt krimiali, kemm il-darba l-prosekutur imexxi kontrih bil-qorti u kemm il-darba jkun hemm imħallef jew grupp ta’ ġurati li jsibuh ħati. Din il-“fazzjoni estremista” tista’ biss tfakkar lill-istituzzjonijiet dwar dmirijiethom. Iżda ma tistax iġġiegħlhom jaqdu dmirijiethom.
Wara li konna ppreżentajna l-kwerela kriminali dwar l-imwiet illegali ta’ tnax il-ruħ, Robert Abela kien bagħbas lill-istituzzjonijiet sabiex jiżgura li jingħażel eks uffiċjal tal-Partit laburista biex imexxi nkjesta li kienet inkompetenti mill-bidu sal-aħħar u li lill-prim ministru lliberatu minn kollox u dan qabel ġew eżaminati provi nkriminanti.
Robert Abela m’huwiex wieħed li jħobb jirriskja u mhux ser jippermetti li jħalli lil min jinvestigah kif suppost speċjalment meta ma jkunx ċert x’ser jirriżulta minn investigazzjoni bħal din.
Il-verità hi li fi stat bħal tagħna li “ma jiffunzjonax”, kif għoġbu jsejjaħlu Kevin Aquilina, tkun “estremist” (biex nużaw il-kelma ta’ Robert Abela) jekk lill-istituzzjonijiet titlobhom jaqdu dmirhom billi japplikaw il-liġijiet l-istess għal kulħadd, inkluż għal prim ministri preżenti u tal-imgħoddi, meta jirriżulta li kien hemm ksur tal-istess liġijiet.
Aħsbu ftit. Kif osserva Kevin Aquilina, mhux biżżejjed għal Robert Abela li jkollu istituzzjonijiet li ma jaħdmux jew li jservu l-interessi tiegħu biss. In-nervi tant kiluh li m’huwiex lest li jirriskja. Għaldaqstant qed iwissi lil dawk l-uffiċjali tal-pulizija, maġistrati, prosekuturi u mħallfin li jażżardaw jaqdu dmirhom li kull azzjoni li għad tista’ tittieħed kontra l-interessi politiċi dojoq ta’ Robert Abela tiġi interpretata minn fuq il-One Radio bħala azzjoni ta’ “estremisti politiċi”.
Din m’hi demokrazija xejn.