Agħtu daqqa t’għajn lejn ir-ritratt ta’ hawn isfer meħud mill-Facebook. Jekk m’intix tifhem l-argument li nixtieq inwassal, kompli aqra’ aktar ‘l isfel. Ħu nifs qawwi ‘l ġewwa u, kif ngħidu bil-Malti, araw ftit x’razza ta’ nies hawn jiġru mas-saqajn li għalihom issallab Kristu.
Għadek ma fhimtx?
Ippermettuli nispjega. Tal-Lovin Malta kkwotaw diskors li għamel ilbieraħ David Casa. Diskors li matulu stqarr li Malta għandha tagħti kenn lil dawk li qed jaħarbu mill-madmad ta’ Vladimir Putin.
Ċerta Nicole Spiteri – mhux importanti min hi, iżda ejjew ngħidu li din tirrappreżenta ċertu fehma fost il-poplu – twieġeb lil David Casa u tgħidlu li jekk jidhirlu li r-refuġjati Ukreni għandhom jingħataw il-kenn f’Malta, jmissu jżommhom f’daru. Għaliex, taf int, mhux sew li l-karozzi tal-linja tagħna jkunu mimlijin sa ruħ ommhom, jew min jaf għal liema raġuni xenofobika kitbet li kitbet.
L-ironija ewlenija hi li jekk wieħed jifli l-profil ta’ Nicole Spiteri, għandu jintabaħ li din qiegħdet il-bandiera Ukrena taħt ir-ritratt tagħha. Dan hu wieħed mill-ħafna filters li jittellgħu fil-Facebook minn żmien għal żmien, f’dan il-każ bħala turija ta’ solidarjetà għat-tbatijiet li jinsab għaddej minnhom il-poplu Ukren. Iżda għal din l-imbierka ta’ Nicole Spiteri, jidher li dik il-bandiera hi moda, bħal, ngħidu aħna, l-aktar kuluri popolari biex tiżbogħ difrejk.
Aqraw imbagħad it-tweġiba ta’ Edward Muscat. Seta’ llimita ruħu għal-emoji jgħatti wiċċu b’idejh, jew seta’ kiteb ‘ara għal min issallab Kristu!’.
Taħsbux li mentalità bħal din hi xi fula f’qargħa.