Franco Debono kien u baqa’ persunaġġ kontroversjali. Iżda barra li huwa kontroversjali, huwa wkoll il-Kummissarju tal-Liġijiet li fl-2013 meta nħatar fil-kariga Owen Bonnici kien sejjaħlu, bħala “l-persuna responsabbli għat-tneħħija ta’ liġijiet kunfliġġenti li tqiesu mill-Qorti Kostituzzjonali bħala liġijiet li jiksru l-Kostituzzjoni u d-drittijiet fundamentali” u bħala l-persuna “li ser imexxi r-riforma Kostituzzjonali”.

Skond Owen Bonnici, Franco Debono kien intgħażel biex jerfa’ dawn ir-responsabbiltajiet għaliex “kien l-aħjar persuna għal din il-kariga”.

Dan id-diskors kien intqal fl-24 ta’ Marzu 2013. Owen Bonnici u sħabu kienu ħadu r-riedni tal-gvern 14 il-jum qabel. Skont il-gvern il-ġdid, il-ħatra ta’ Franco Debono ma saritx biex jinku lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li dak iż-żmien kienet għadha mmexxija minn Lawrence Gonzi – persuna li kien għoddu lanqas beda’ jistrieħ mill-5 snin ta’ imminar kontinwu ta’ Franco Debono, id-deputat parlamentari ribell.

Matul l-aħħar snin fl-Oppożizzjoni, tal-Labour ta’ sikwit kienu jirrepetu l-frażi: “Franco għandu raġun”.

Dak iż-żmien, għal Joseph Muscat u sħabu, jgħid x’jgħid Franco Debono – anki meta kien igħid il-ħmerijiet – dan dejjem kellu raġun.

Ħadd m’għandu raġun dejjem u Franco Debono xi drabi kien ikollu raġun.

Franco Debono, il-Kummissarju tal-Liġijiet, dan l-aħħar reġa’ beda juża l-blog biex iwassal il-messaġġi tiegħu, u l-bieraħ irreaġixxa għall-attentat ta’ Joseph Muscat biex jagħlaq il-kwistjoni Egrant darba għal dejjem.

Il-bieraħ il-Kummissarju tal-Liġijiet stqarr li huwa konvint li sid l-Egrant huwa Joseph Muscat jew inkella ta’ xi ħadd qrib tiegħu.

Franco għandu raġun.

M’għandniex xi ngħidu, l-istqarrija ta’ Franco Debono ma żżid xejn ma’ dak li ġġiegħel lil min jirraġuna b’dan il-mod. Il-provi u l-imġieba ta’ Joseph Muscat isostnu din il-konklużjoni. Kollox jindika li, anki jekk ma jinstabux biżżejjed provi forensiċi li jwasslu għal azzjonijiet kriminali, hemm biżżejjed fatti li jwasslu biex jinġibdu konklużjonijiet politiċi li Joseph Muscat kien arma lilu nnifsu biex jixxaħħam u biex jaħsel il-flus.

M’hemm xejn ġdid mill-fatt li jien u ħafna oħrajn nirraġunaw b’dan il-mod. Titbissem meta tara li, anki fost il-Laburisti, ftit huma dawk li belgħuha li l-kwistjoni Egrant hi xi forma ta’ frame-up jew hi “l-ikbar gidba fl-istorja politika Maltija”.

Iżda huwa tabilħaqq sinjifikanti l-fatt li l-Kummissarju tal-Liġijiet – l-istess persuna fdata mill-gvern Laburista biex ineħħi l-liġijiet u biex jirriforma l-Kostituzzjoni – qed igħid fil-beraħ li huwa konvint li mill-provi li hemm huwa raġjonevoli li wieħed jasal għall-konklużjoni politika li Joseph Muscat jew xi ħadd qrib tiegħu huwa sid l-Egrant.

Fejn huma issa dawk kollha li kienu xebgħu iwerżqu li “Franco għandu raġun”?

Hemm ħaġa waħda li hi ċerta. Ilkoll nafu li meta Franco Debono jagħmel stqarrija, ma jerġax lura minnha kif ġieb u leħaq. U għaldaqstant Joseph Muscat jista’ jibqa’ ċert li din il-kwistjoni se tibqa’ f’ilsien in-nies.