Repubblika bagħtet din l-ittra lill-President:

L-1 ta’ Frar, 2019

Il-President ta’ Malta
Il-Palazz
Il-Belt Valletta

Sinjura President,

Dwar: Riforma Kostituzzjonali

Repubblika hi organizzazzjoni mhux governattiva mwaqqfa biex tippromwovi d-drittijiet ċivili, il-ħajja demokratika, is-saltna tad-dritt, il-kelma ħielsa, il-libertajiet personali, l-inklużjoni soċjali, il-konservazzjoni tal-ambjent, is-sostenibbilta’ ekonomika u l-ugwaljanza tal-aċċess. Dan tagħmlu billi tieħu sehem attiv fid-djalogu nazzjonali u b’inizjattivi relevanti bi skop edukattiv, soċjali jew filantropiku.

Repubblika tosserva l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja dwar Malta. Fost oħrajn, il-Kummissjoni għamlet din l-osservazzjoni:

“Il-mezzi tal-komunikazzjoni u s-soċjeta’ ċivili huma essenzjali għad-demokrazija fi kwalunkwe Stat. Ir-rwol tagħhom t’għassiesa hu kundizzjoni indispensabbli biex il-Gvern ikun accountable. Id-delegazzjoni tal-Kummissjoni Venezja kellha l-impressjoni li f’Malta l- mezzi tal-kommunikazzjoni u s-soċjeta’ ċivili isibuha diffiċli li jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet.”

Fil-konklużjonijiet tagħha l-Kummissjoni Venezja tgħid fost oħrajn li:

“148. Fl-aħħar, il-Kummissjoni Venezja tinsisti li hu obbligu internazzjonali tal-Gvern li jassigura li l-mezzi tal-kommunikazzjoni u s-soċjeta’ ċivili jitħallew ikollhom rwol attiv fil- qasam pubbliku biex iżommu l-awtoritajiet accountable”.

Repubblika għandha l-missjoni li taqdi din il-funzjoni.

Fl-istess waqt aħna nissottoskrivu għall-osservazzjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni Venezja li tissottolinea djgħufija demokratika kbira fir-realta’ Kostituzzjonali ta’ pajjiżna b’konċentrazzjoni inaċċettabbli tal-poter fil-persuna tal-Prim Ministru, nuqqas t’indipendenza tal-ġudikatura, il-pożizzjoni anomala u kunfliġġenti tal-Avukat Ġenerali, l-inabbilta’ tal-Parlament li jeżerċita kontroll fuq il-Gvern, u l-limitazzjonijiet anti-demokratiċi fuq l-istampa ħielsa u s-soċjeta’ ċivili.

Hu għalhekk li fil-prinċipju naqblu li Malta għandu jkollha riformi Kostituzzjonali.

Dan iżda ngħiduh bi preokuppazzjoni kbira meta naraw li l-persuni li llum qed jisfruttaw id-difetti Kostituzzjonali tagħna biex jeżerċitaw poter mingħajr restrizzjoni huma l-persuni li jidhru qed jiddeterminaw ir-riformi Kostituzzjonali li għandhom isiru. M’aħniex nantiċipaw rieda sinċiera li min illum diġa’ qed jeċċedi l-poteri kbar li għandu se jaġixxi b’mod li jliġġem il-poteri li suppost ikollu.

Il-kuntest politiku preżenti ukoll iħassibbna ħafna bħala l-agħar kuntest possibbli fejn isiru riformi ta’ din il-portata. Il-partiti politiċi fil-Parlament huma l-akbar benefiċarji tad-difetti Kostituzzjonali li għandna. Bil-mezzi tal-kommunikazzjoni propjeta’ tagħhom u b’dawk li jikkontrollaw huma jidfnu d-diskussjoni pubblika, jaqbżu l-għarbiel naturali ta’ stampa ħielsa u kritika u jużaw l-għodda tal-popoliżmu biex jgħaffġu l-ħsieb ħieles u d-djalogu matur.

Min bena l-mudell Kostituzzjonali bejn gvern u oppożizzjoni ried djalettika li tikkristalizza l-argumenti favur u kontra. Minflok qed naraw koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat tal-Parlament intenzjonata milli nistgħu naraw li tipperpetwa d-difetti Kostituzzjonali li għandna li jiggarantulhom il-poteri tagħhom, jekk mhux jużaw l-opportunita’ tal-kunsens għall-bżonn ta’ riformi biex jgħarrqu aktar l-affarijiet.

Ġenwinament nittamaw li dawn il-preokuppazzjonijiet tagħna jirriżultaw mhux ġustifikati u jseħħ tassew proċess ta’ riforma ġenwin li jirrestawra u jsaħħaħ id-demokrazija ta’ Malta.

Waqt li ngħidu dan, nistqarru li ma jidhrilniex li s-soċjeta’ ċivili għandha tkun spettatur ta’ proċess imwettaq u kkontrollat mill-partiti politiċi. Il-Kostituzzjoni hi finalment il-kuntratt bejn il-popolazzjoni u dawk fdati minnha fuq bażi temporanja biex jiggvernaw. Hi kontradizzjoni li f’dan il-proċess il-partiti politiċi jirrapreżentaw liż-żewġ partijiet ta’ dan il-kuntratt.

B’din l-ittra għalhekk nesprimu r-rieda tagħna li ningħataw rwol parteċipattiv u sinifikanti fid-diskussjonijiet preżenti dwar riformi Kostituzzjonali.

B’rispett,

Marion Pace Asciak
President

Kopji:
Il-Prim Ministru
Il-Kap tal-Oppożizzjoni
L-Ispeaker
Il-Prim Imħallef
L-Avukat Ġenerali
Is-Segretarju Ġenerali, Partit Laburista
Is-Segretarju Ġenerali, Partit Nazzjonalista
Is-Segretarju Ġenerali, Partit Demokratiku
Is-Segretarju Ġenerali, Alternattiva Demokratika