Il-bieraħ filgħaxija d-Dipartiment tal-Informazzjoni ħareġ stqarrija li, fl-annali tal-istorja tiegħu, tista’ titqies bħala waħda li tixbah sew lil dawk li kienu jinħarġu mill-gvernijiet ta’ wara l-Purtiera tal-Ħadid.
Konrad Mizzi sab mezz biex jurina dwar kemm hu kapaċi għall-gabirjoli, dwar kemm hu kapaċi għall-gideb u dwar kemm hu kapaċi jemmen il-gideb tiegħu stess. Bħal donnu jippretendi u jittama li aħna wkoll se nispiċċaw nemmnu dan il-gideb kollu.
Konrad Mizzi jrid ibellagħha li l-qrati warrbu l-provi u l-evidenza dwar il-korruzzjoni. Meta fil-fatt il-qorti ddeċidiet li ma tgħarbilx l-evidenza u l-provi meta, għal raġunijiet li tafhom hi biss, ma qablitx li inkjesta Maġisterjali dwar provi li għad iridu jiġu mgħarbla tista’ sservi biex issir il-ġustizzja xorta waħda meta l-Pulizija, għax hi kontrollata politikament, tirrifjuta li taqdi dmirha.
Fl-istqarrija tad-DOI, Konrad Mizzi ried bħal speċi jagħti x’jifhem li kien qed juri miżura ta’ manjanimità – kollha kemm hi falza – “għaliex l-użu tal-liġi tal-istampa biex jiġu kastigati dawk li għamlu l-allegazzjonijiet m’hu se jwassal imkien u m’hu ser iżid xejn ma dak li diġa’ ddeċidew dwaru l-qrati”.
U allura mar jiġri jċedi l-kawżi li kien għamel kontra Simon Busuttil, Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami (dawn sa fejn s’issa hu magħruf) ferm qabel kienu tfaċċaw aktar provi li jsostnu dak li nkixef mill-Panama Papers.
Għaliex ċeda l-kawżi proprju f’dan l-istadju?
Jekk huwa minnu li – kif qed igħid Konrad Mizzi – “li l-Qrati ddeċidew li ma kienx hemm provi li setgħu isostnu l-allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ liġi”, allura dan ma jistax ifisser ħlief li l-kawżi tal-libell kien jirbaħhom f’kemm ilna ngħidu. Busuttil u sħabu ma kieunx ikunu kapaċi li jġibu l-provi biex isostnu dak li kienu stqarrew u kien ikollhom iħallsuh id-danni. Konrad Mizzi jgħid li m’għandux għalfejn jinsisti li Simon Busuttil u sħabu jħallsu “tal-gideb li kienu qalu” għaliex dawn “diġa’ tilfu kull kredibilita’ politika”.
M’għandniex xi ngħidu, seta’ wkoll stenna sakemm jinqatgħu l-kawżi ta’ libell u meta l-qorti tordna li jsir ħlas ta’ danni (u jitħallsu l-avukati tiegħu), seta’ qagħad lura milli jsarraf iċ-ċekkijiet li jkunu ngħatawlu u seta’ qagħad jiftaħar pubblikament li kien umilja lil dawk li kienu kkritikawh.
Imma dan kollu ma setax jagħmlu.
Għaliex jeħtieġ tifhmu il-għala Konrad Mizzi għażel li jċedi l-kawżi propru f’dan l-istadju.
Karl Cini, l-accountant tan-Nexia BT li kien kiteb il-famuża e-mail lil tal- Mossack Fonseca kellu jixhed bħala xhud imsejjaħ minn Simon Busuttil u sħabu biex jispjega il-għala lill-avukati Panamiżi kien qalilhom li Konrad Mizzi (u Keith Schembri) kellhom jirċievu €5,000 kull jum mingħand żewġ kumpanniji fid-Dubaj li sidhom huwa l-perċimes tal-kumpannija tal-enerġija li magħha Konrad Mizzi (u Keith Schembri) għamlu n-negozju għan-nom tal-gvern.
Tgħid Karl Cini kien ikun lest jieħu ġurament falz għal wiċċ Konrad Mizzi?
Lil Karl Cini, l-pulizija kienet diġa’ bgħatat għalih. Dan jaf li qed jilgħab man-nar. X’aktarx li Karl Cini huwa wieħed minn tliet persuni – li m’humiex Konrad Mizzi jew Keith Schembri nnifishom – li jaf id-dettalji kollha. Din il-konfoffa kriminali lil Karl Cini għandha fiduċja għamja fih. U kemm Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri qajla se jażżardaw jippermettulu jixhed bil-ġurament fil-qorti quddiem avukati ostili armati b’dokumenti inkriminanti frott investigazzjonijiet ġurnalistiċi. Jafu wkoll li Konrad Mizzi jista’ jispiċċa jiġi mixli b’ħasil ta’ flus u ġurament falz – korruzzjoni ta’ politiċi – li għalih ma tgħoddx il-liġi dwar il-preskrizzjoni.
U minkejja dan kollu Konrad Mizzi – hu u jitbissem qiesu baħnan – issa jridna nemmnu li ħaddieħor – u mhux hu – li tilef il-kredibilita’ politika.
Iżda l-verita’ hi li hu – ta’ ħalliel li hu – qatt ma kellu kredibilita’ politika
Fil-frattemp, Simon Busuttil u sħabu għandhom jagħtu ħarsa lejn dak li għamlu l-aħwa Caruana Galizia: wara li kellu jħallas l-ispejjeż legali kollha talli ċeda l-kawżi, Konrad Mizzi se jkollu ma wiċċu kawżi ġodda talli dan kien ippreżenta kawżi ta’ libell vessatorji. Għaliex jekk int iddaħħal lil xi ħadd il-qorti u mbagħad iċċedi l-kawża qabel tkun ħallejt lill-qorti tisma’ l-provi, tkun użajt il-qorti għall-finijiet tattiċi tiegħek u tkun ħlejt iż-żmien u l-flus tan-nies.
M’għandniex xi ngħidu, Konrad Mizzi jiflaħ sew gidma żgħira minn dawk il- €5,000 kuljum li qed idaħħal f’butu. Ja ħalliel.
Tal-aħħar: Konrad Mizzi, taħseb li dawn it-teatrini tista’ terġa tirrepetihom kif ġieb u leħaq? Għandek tkun taf li l-kbir għadu ġej u se jkollok tibqa’ titbissem u tagħmel tabirruħek li kollox ward u żahar.