Kien messna ħsibniha sewwa qabel dħalna għaliha. Dawl l-avukati u accountants kollha li daħlu għal dan ix-xogħol kien messhom ħasbuha sewwa. Kien messna ntbaħna minn qabel li ħaġa li hi mibnija fuq gidba kienet se ġġibna fl-inkwiet.
Joseph Muscat kien ipprova jbellagħha li permezz tal-bejgħ tal-passaporti kien ser jiġbed it-talent lejn pajjiżna. Hu u jagħmel dan, mexa’ fuq parir ta’ avukat Olandiż rakkomandat lilu minn Henley & Partners fis-sens li min jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija m’għandux għalfejn ikollu rabta ma’ Malta.
Qallu li applikant kull ma kien jeħtieġ huma sensiela ta’ gidbiet iċċertifikati: sħubija fil-gym; ftehim bil-miktub ta’ kiri jew xi kont tad-dawl u l-ilma fuq isem fittizju. Dan il-gideb issarraf fi ħlasijiet lil sid il-gym, lil sid il-kera u lill-kumpannija li tipprovdi d-dawl u l-ilma. Biex ma nsemmux ukoll il-gideb ta’ Identity Malta li aċċettaw bil-qalb dawn id-dokumenti bħallikieku kienu ġenwini.
Xogħol il-gvern huwa dak li jiżgura li d-dikjarazzjonijet li jsiru jkunu minnhom. Jekk tiddikjara li m’għandek tħallas xejn f’taxxi, għandu jkun hemm xi ħadd li jgħaddik minn għarbiel biex jiġi żgurat li dak li ddikjarajt huwa minnu. Int u dieħel Malta minn pajjiż barra mill-Ewropa, jekk lil tad-dwana tgħidilhom li m’għandek xejn x’tiddikjara, dawn ikunu pronti biex iġiegħeluk tiftaħ il-bagalji biex jiżguraw li dak li ddikjarajt ikun minnu. Jekk int tistqarr li m’intix iġġorr drogi, uffiċjali tal-pulizija – jekk ikollhom suspett raġjonevoli – jistgħu jagħmlu tfittxija fuq persuntek u fi ħwejjġek.
Jekk ikun hemm pulizija li jkun jaf li int qed iġorr id-drogi iżda jagħlaq għajn waħda u jagħżel li jemmen id-dikjarazzjoni tiegħek, dak il-pulizija jkun kompliċi miegħek f’reat kriminali.
Allura meta l-gvern jaċċetta l-gideb ta’ dawk li jallegaw li qed igħixu f’Malta, il-gvern ikun kompliċi f’dikjarazzjoni falza li hi reat kriminali. Il-konsegwenzi ta’ din l-imġieba huma enormi. Gvern ta’ pajjiż li jagħmel dawn l-affarijiet jitlef il-kredibilità u kull darba li jittimbra passaport ta’ xi sinjurun li għandu ġid bla tarf, ikun qed jammetti mad-dinja li huwa lest jigdeb b’riżq nies bħal dawn. U gvern ta’ pajjiż li jkun nieqes mill-kredibilità, m’huwiex gvern li jista’ jiġi fdat speċjalment mill-investituri li joħolqu x-xogħol u l-impjiegi għal dawk li m’humiex tal-klikka “Tagħna Lkoll” li jagħmlu kemxiet ta’ flejjes minn fuq dahar il-gvern.
Kien hemm min kien antiċipa dan l-inkwiet kollu. kien hemm min xamm x’kien ġej għal ma’ wiċċna.
F’Novembru 2013 il-Malta Employers Association kienet ħarġet stqarrija dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. skema li ma kienitx ġiet imwiegħda mill-gvern fil-programm elettorali tiegħu.
Tal-MEA kienu wissewna. Kien bħallikieku qalulna li “taħt il-Labour, nidħlu gassdawn ġol-ħajt”.