Antoine Zammit, teżorier tal-PN għal ftit xhur, stedinha b’idejh. Kien hemm min tgħix kemm għoxa bid-daħk meta l-bieraħ wara nofsinhar f’filmat dan deher jispejga lill-klijenti tiegħu x’għandu jsir biex ikunu jistgħu jaraw il-pornografija fuq it-televiżjoni. f’filmat. Dakinhar stess ġie mġiegħel jirriżenja.

Ara ma tmorrux taħsbu li ġie mġiegħel jirriżenja għaliex fil-PN teżisti xi forma ta’ dixxiplina. Ibqgħu ċerti li dawk li ġiegħlu lil Antoine Zammit idabbar rasu x’aktarx huma l-istess nies li għamlu użu mis-servizzi tiegħu biex ikollhom aċċess għall-pornografija f’darhom.

Huma proprju dawn in-nies li naqsu li jxommu x’kien ser iseħħ li kien messhom irriżenjaw. Mhux għaliex min inħatar f’pożizzjoni importanti fil-partit ma kien ġie mgħoddi minn għarbiel. Iżda għaliex Antoine Zammit tlibbes żarbun li ċertament ma kienx jiġieħ.

Jekk immur lura għal dak li kont ktibt meta nħatar Antoine Zammit bħala teżorier, lit-tmexxija tal-PN nista’ faċilment ngħidilha “għidtilkomx jien!”. Iżda diskors bħal dan mhux jien biss għidtu. Kien hemm bosta li qaluh.

Antoine Zammit m’hu xejn ħlief vittma: m’għandix dubju li għadda minn burraxka meta ħarġet din l-aħbar. Dan tqiegħed f’kariga li ċertament ma kienitx ħobż għal snienu.

Il-ġimgħa li għaddiet kiteb post fuq il-Facebook fejn talab għall-għajnuna dwar is-suġġett tal- “bankink”: ried ifisser “banking”. Issa persuna li jokkupa l-kariga ta’ teżorier ta’ organizzazzjoni bħalma hu l-PN għandu jkun persuna li jifhem sew fil-“banking” u għandu jkun wieħed li l-pariri dwar dan is-suġġett jagħtihom u mhux jitlobhom.

Meta kont naħdem fiż-Żimbabwe, stajt nosserva l-mod kif negozjanti bojod (dawn dejjem kienu jkunu rġiel) kienu jevitaw il-liġijiet li kienu tfasslu apposta biex jagħtu saħħa lis-suwed. Kienu jevitawhom billi kienu jaħtru lill-kok bħala chairman tal-kumpannija minkejja l-fatt li baqa’ jsajrilhom il-kolazzjon kull filgħodu.

Antoine Zammit tlibbes żarbun li ma kienx jiġieħ u t-tort m’għandux jintefa’ fuqu. Clyde Puli użaħ u ramieh. U issa jeħtieġ isib vittma oħra.

Ara ma tmorrux taħsbu li l-PN issa huwa partit msaffi bis-saħħa tar-riżenja ta’ Antoine Zammit mill-kariga ta’ teżorier. Il-ferita hemm għadha.

U għadha tnixxi.