L-ewwel mewta ta’ mara kaġun tal-coronavirus li ġie rappurtat li seħħet f’Malta l-bieraħ tefgħet dawl fuq id-dgħjufija tat-tħejjijiet tal-gvern kontra l-firxa tal-epidemija. M’hemmx dubju li Malta weħidha mhux possibbli li taħrab mill-impatt devastanti tal-epidemija u li persuni anzjani ta’ ċertu età huma f’riskju akbar li jittieħdu mill-marda. M’hemmx dubju wkoll li pazjenta tal-età ta’ 92 sena hi vulnerabbli li tinħakem mill-virus aktar minn ħaddieħor minħabba l-età avvanzata tagħha.

Madankollu hemm ċerti ċirkostanzi dwar dan il-każ li jqajjmu mistoqsijiet importanti. Il-pazjenta li mietet il-bieraħ kienet tgħix fl-unika dar tal-anzjani tal-gvern li hemm f’Għawdex, jiġifieri Dar Sant’Anna, li tinsab fl-inħawi tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li hu mmexxi minn Steward Healthcare.

Waqt żjara li għamel f’Għawdex fit-28 ta’ Marzu li għadda, l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-anzjani residenti f’Dar Sant’Anna kienu ser jiġi trasferiti għal “bini ieħor li jinsab fil-qrib”. Huwa mifhum li l-bini li rrifera għalih il-Ministru huwa d-Downtown Hotel fir-Rabat li, bħal lukandi oħrajn, għalqet sakemm tgħaddi l-kriżi. Bis-saħħa ta’ din ir-rilokazzjoni, l-anzjani kienu ser jitbiegħdu mill-Isptar u l-ispazju okkupat minn Dar Sant’Anna seta’ mbagħad jintuża biex jitkabbar l-uniku sptar li hemm f’Għawdex.

Minn dakinhar li tħabbar dan it-trasferiment għaddew 10 ijiem u r-rilokazzjoni baqgħet ma seħħitx.

Huwa mifhum li  mill-inqas erba’ infermiera li jaħdmu fid-dar tal-anzjani ntbagħtu f’darhom biex jagħmlu l-kworantina wara li dawn irriżulta li ħakimhom il-virus u l-bqija tal-infermiera jinsabu maqfulin flimkien mal-anzjani. L-anzjani residenti fid-dar huma lkoll vulnerabbli ħafna minħabba l-età u l-anzjanità li għandhom u l-qraba tagħhom jinsabu nkwetati ferm dwar is-sitwazzjoni. Dawn il-qraba ilhom żmien twil ma jaraw lil dawn l-anzjani minħabba l-prekawzjonijiet li ttieħdu biex tiġi kontrollata l-epidemija. Iżda jidher li dawn il-prekawzjonijiet ma kienux biżżejjed.

Din il-ġimgħa waħda mill-anzjani residenti f’Dar Sant’Anna għalqet mitt sena.

It-tħejjijiet tal-gvern biex jiġġieled il-firxa tal-epidemija f’Għawdex ġew kritikati bl-aħrax mill-kelliem tal-Oppożizzjoni Chris Said. Id-deputat tal-PN ikkritika l-fatt li l-ftaħir li qed jagħmel il-gvern m’hu jagħmel xejn biex iserraħ moħħ l-Għawdxin.

Chris Said ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-gvern ma kienx qed ikun ċar dwar ir-riżorsi addizzjonali li nkisbu jew li ser jinkisbu, partikolarment iż-żjieda ta’ aktar sodod u ta’ makni tan-nifs. Huwa staqsa wkoll x’kienet ir-raġuni li dawk il-pazjenti li rriżulta li ttieħdu mill-epidemija tal-coronavirus baqgħu ma twarrbux minn mal-pazjenti l-oħrajn.

F’kitba fil-Facebook, Chris Said staqsa jekk għadx hemm il-ħsieb li jċaqalqu lir-residenti ta’ Dar Sant’Anna għal bini ieħor issa li rriżulta li l-epidemija feġġet fost il-pazjenti u l-infermiera. Jekk m’għadx hemm dan il-ħsieb, huwa staqsa x’ser jiġri dwar it-tkabbir imwiegħed tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li suppost kellu jagħmel użu mill-ispazju għal 80 sodda li hemm f’Sant’Anna?