Appoġġa lit-tabib tiegħek

By
2018-02-05T17:56:04+01:00Mon, 5th Feb '18, 15:30|0 Comments

Mhux li kien hemm wisq tama qabel bdew it-taħditiet. Il-possibilità li llum kienet se tintlaħaq konklużjoni sodisfaċenti bejn il-union tat-tobba u l-gvern kienet pjuttost remota meta wieħed iqis kif iż-żewġ naħat mhumiex jaqblu dwar id-direzzjoni tal-privatizzazzjoni tal-maniġment tal-isptarijiet.

Il-gvern ma jidhirx li se jiċċaqlaq. Hemm wisq flus involuti deħlin fil-bwiet ta’ nies li jaħbulna wiċċhom iżda mhux il-kilba tagħhom għall-flus. Hemm nies li qed isiru sinjuri billi jinnegozjaw sptarijiet mibnija u mgħammra bil-kontribuzzjonijiet tat-taxxa ta’ ġenerazzjonijiet ta’ kontribwenti. Qed jimlew bwiethom bil-profitti filwaqt li jinnegozjaw saħħtek bħala komodità u ta’ dan mhuma jagħtuk xejn lura.

It-tobba li jaħdmu f’dawn l-isptarijiet jafu ħafna aktar minna x’jista’ jkun ir-riżultat ta’ dan kollu. Il-karrieri tagħhom iddedikawhom jipprovdu servizzi tas-saħħa skont il-bżonnijiet tal-pazjent. Iżda mill-esperjenza professjonali jafu kemm ikunu differenti l-affarijiet meta s-servizzi tas-saħħa jiġu pprovduti skont l-objettivi tal-bejgħ u l-profitti tal-proprjetarji.

Għada t-tobba se jistrajkjaw għaliex qed jiddispjaċihom li f’dawn l-aħħar sentejn taw ċans lil dan it-teatrin ikompli jiżvolġi. Il-fondi għas-servizzi tas-saħħa tberbqu. L-investiment fit-tagħmir u fir-riżorsi biex jitħarsu l-bżonnijiet tal-pazjenti waqfu għalkollox. Il-kontroll tal-politiki għall-isptarijiet intilef. U ma ngħata xejn lura għal dan kollu.

Għada t-tobba mhumiex se jistrajkjaw għax iridu jaħdmu inqas sigħat, jew għax iridu iktar flus, jew għax iridu żraben iktar komdi. M’hemm xejn minn dan fuq l-aġenda tat-tilwima tagħhom.

Għada t-tobba se jistrajkjaw għax iridu jibqgħu bil-possibilità li lilek u lil uliedek jagħtukom l-aqwa kura tas-saħħa possibbli.

Se jistrajkjaw għall-bżonnijiet tiegħek mhux tagħhom.

Go to Top