Jason Micallef uża l-midja kkontrollata mil-Labour biex jappoġġja lill-mara li kienet iffilmjata tuża l-bastun tagħha biex tneħħi min-nofs fjuri, ritratti, messaġġi u xemgħat li tħallew mal-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta b’tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia u biex isejħu għall-ġustizzja u t-tmiem tal-impunità.

Bl-aġir tiegħu Jason Micallef segwa lil dawk ta’ qablu, fosthom Joe Brincat, Ray Azzopardi (il-kunsillier tal-Belt, mhux il-preżentatur ta’ Warda Kanta), Emmanuel Cuschieri u diversi oħrajn li tennew dak ma qalux il-politiċi li huma stess jappoġġjaw u b’hekk evitawlhom ir-responsabbiltà li jiġu imbarazzati kieku qaluh huma.

M’iniex sorpriż li l-gvern jiddevja l-attenzjoni dwar l-iskop tal-protesta billi jidħol f’diskussjonijiet dwar il-mod kif issir il-protesta. Jien ma poġġejt l-ebda fjuri u ma xgħelt l-ebda xemgħat mal-Monument tal-Assedju l-Kbir fl-aħħar erba’ xhur biex nipprotesta għad-dritt tiegħi li npoġġi fjuri u xemgħat. Kont naħseb li dik xi ħaġa for granted.

Jien ipprotestajt u għadni qed nipprotesta kontra sitwazzjoni li fiha nqatlet ġurnalista, sitwazzjoni fejn dawk li kkummissjonaw il-qtil tagħha għadhom jiġru barra waqt li l-istejjer li investigat qed jiġu ċċensurati waqt li l-awtoritajiet tal-istat ma jieħdu l-ebda azzjoni.

Jekk irridu nibqgħu nsejħu lilna nfusna demokrazija, irridu nifhmu li l-protesti huma parti intrinsika mid-dibattitu pubbliku. Aktar u aktar f’kuntest fejn jidher li lanqas il-Parlament mhu l-forum adegwat biex isir dibattitu dwar dak li nħossu li hu l-aktar aspett fundamentali tar-realtà politika Maltija: jekk il-liġi hix qed tiffunzjona jew le.

Jason Micallef u oħrajn bħalu qed jakkużawna li qed nattakkaw id-dinjità tal-Monument tal-Assedju l-Kbir u niddegradaw il-memorja ta’ dawk li mietu fl-Assedju l-Kbir. Ma rridx nidħol f’melodrama retorika dwar l-Assedju l-Kbir. Inħalli l-poeżija lirika dwar il-ġlidiet interġenerazzjonali għal-libertà għall-videos turistiċi li jintwerew fiċ-ċentri tal-interpretazzjoni bl-eċċessi tagħhom b’kollox. Imma rrid infakkar li l-monument qatt ma ġie sfigurat bl-ebda mod. Tista’ ma taqbilx ma’ kif issebbaħ il-madwar, imma persważ li lkoll rajna agħar.

Is-sit ma ntgħażilx apposta minn xi ħadd bil-ħsieb li jurta lil Jason Micallef. Kien l-għażla loġika biex iservi bħala l-post fejn wieħed jipprotesta ġimgħa wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – quddiem il-Qrati fejn il-poplu jfittex il-ġustizzja – u n-nies, b’mod spontanju ħallew fjuri u xemgħat hemmhekk fi tmiem il-protesta. U mbagħad ġew aktar nies, waqt li għadhom ġejjin.

Għalkemm nixtieq li kieku Jason Micallef u l-oħrajn jingħaqdu magħna fis-sejħa tagħna biex issir ġustizzja, naċċetta d-deciżjoni tagħhom li ma jagħmlux dan. Imma l-intolleranza tagħhom għal protesta li hija għalkollox moderata, mhix vjolenti u turi rispett lejn l-oħrajn waqt li tagħmel minn kollox biex tevita li ddejjaq lil ħaddieħor bla bżonn, verament mhix neċessarja.

Jew aħjar, kienet tkun mhux neċessarja li kieku fil-verità mhux għaddej sforz ovvju biex jitħawdu l-imħuħ. Il-gvern kien qed jistenna li l-għajta għall-ġustizzja u kontra l-impunità tmut żmien ilu. Id-dawl iteptep tax-xemgħat u l-fjuri bilkemm jinxtammu fid-dlam ma jeffettwawhx. Il-Monument tal-Assedju l-Kbir lanqas hu xi monument li jġorr miegħu xi sensitività politika partikolari. Dan mhux il-monument ta’ Jum il-Ħelsien jew ta’ Dom Mintoff.

Min-naħa l-oħra, iżda, żgur li l-gvern qed jara l-għexieren ta’ turisti li qed iżuru l-monument kuljum. Żgur li qed josserva lin-nies jieqfu jirriflettu quddiemu, ipoġġu l-fjuri jew jgħidu xi talba f’kull ħin tal-ġurnata. Żgur li jaf li l-monument għadu sal-lum jidher kull darba fl-aħbarijiet internazzjonali u f’dokumentarji li qed jixxandru madwar id-dinja. Żgur li hu konxju li barranin li jżuru pajjiżna fuq xogħol tal-gvern jistaqsu kif jistgħu jaslu fuq il-post biex ikunu jistgħu jmorru jsellmu lil Daphne.

Il-monument hu raġġ ta’ dawl baxx imma kostanti faċċata tal-qrati. Hu preżenza inevitabbli li jsibu ma’ wiċċhom ħafna uffiċjali importanti tal-istat li jimxu tul Triq ir-Repubblika kuljum bi tbissima kbira fuq fommhom jippretendu li kollox miexi fuq ir-rubini, meta s-sitwazzjoni hija l-kuntrarju.

Tistgħu timmaġinaw lil Konrad Mizzi miexi mal-ħabib ġdid tiegħu tul Triq ir-Repubblika? Jew kif iħossu Keith Schembri hu u jkaxkar saqajh biex imur minn ristorant minn tiegħu għal ieħor, jew bejn impenn uffiċjali u ieħor?

Waqt li Triq ir-Repubblika ċċelebrat il-Milied qisu ma ġara xejn, il-monument ta’ tifkira għal Daphne Caruana Galiza baqa’ ħaj. Ma spikkax fost id-dwal qawwija, imma l-istess dwal ma tfewhx lanqas. L-istess waqt li Triq ir-Repubblika kienet qed tospita l-ftuħ tal-Kapitali tal-Kultura. Il-festa ta’ San Pawl ġiet u marret. U issa jmiss il-Karnival. Fir-rutina tan-normalità li għandha t-tendenza li tnessi l-memorja u trazzan ir-rabja, il-monument xorta jibqa’ ħaj.

Allura dan kollu meta se jintemm? Jien nista’ nitkellem biss għalija nnifsi. Għalija dan mhux xi post temporanju adattat biex niftakar f’Daphne Caruana Galizia sakemm tinstab soluzzjoni permanenti u jitwaqqaf monument tal-bronż u l-irħam. Lanqas ma jien fil-burdata li nidħol f’dibattitu ma’ nies bħal Jason Micallef dwar fejn għandna poġġu statwa oħra biex tiġi injorata minn kulħadd.

Biex niftakar f’Daphne Caruana Galizia – u jien nagħmel hekk kuljum – niftaħ il-laptop u mmur fuq is-sit elettroniku tagħha biex naqbad xi post minn tagħha ħalli nidħak ftit, jew nibki, inkella ninfexx f’rabja kbira meta niftakar għalfejn jien daqshekk inkwetat il-ħin kollu.

Jien nibqa’ nħoss il-bżonn li nipprotesta sakemm l-impunità u l-inġustizzja li eżistew f’Malta lejliet il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-għada, jibqgħu magħna. Hi kitbet dwar dan u aħna ma pprotestjaniex. Hi mietet u dawn baqgħu hemm. Jien inħossni fid-dmir li nipprotesta sakemm isseħħ bidla vera: il-bidla li Matthew Caruana Galizia u ħutu sejħu għaliha jumejn wara li mietet ommhom, meta fakkruna li ma tista’ ssir l-ebda ġustizzja vera qabel ma jkun hawn il-bidla.

Li kieku l-protesta tagħna ma ddejjaqx serjament lil dawk li jiġu fuq Jason Micallef, kont ngħid li qed issir għalxejn. Ir-rabja u t-theddid kontinwu tagħhom f’tentattiv biex jiċċensurawha huma xhieda li minkejja li d-dawl tax-xemgħat li xgħelna jista’ jkun baxx, il-protesta qed ikollha l-effett mixtieq: qed twassal biex dawk li għandhom f’idejhom il-poter jirrealizzaw li aktar nies qegħdin dejjem aktar jindunaw verament huma x’qed iħawdu.

Irrid għalhekk inserraħ ras dawk li qabbdu lil Jason Micallef, Joe Brincat, Emmanuel Cuschieri, Ray Azzopardi u l-bqija biex iqanqlu r-rabja tal-partitarji tagħhom kontra l-fjuri u x-xemgħat daqslikieku kienu bombi u kanuni, li m’għandi l-ebda ħsieb li nistaqsihom liema tip ta’ protesta l-inqas li toffendilhom is-sentimenti tagħhom.

Għax hi fin-natura tal-protesta stess: wieħed ma jistaqsix għal permess biex jipprotesta mingħand dawk li qed jipprotesta kontrihom!