Wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, r-rivista Amerikana “The Atlantic” xandret rapport dettaljat li fih stqarret li “fi żmien li fih l-istituzzjonijiet demokratiċi madwar id-dinja qed jiffaċċjaw sfidi serji, l-qtil ta’ ġurnalista fl-Ewropa jrendi lil Malta f’punt debboli li jista’ jhedded kontinent sħiħ”.
Il-konsegwenzi mill-aktar serji ta’ dak li ġara fis-16 ta’ Ottubru li għadda huma kunsidrati bħala ovvji għal rivista pubblikata f’Boston, Massachusetts iżda ċertament mhux għall-gvern ta’ Malta u għall-apoloġisti tiegħu li aktar jinsabu mehdijin jillitikaw fuq erba’ fjuriet u xi ftit xemgħat imqiegħdin madwar monument milli jinkwetaw fuq it-tmermir tad-demokrazija tagħna.
L-awtur tar-rapport dettaljat josserva li għall-ewwel darba fl-istorja l-Kunsill tal-Ewropa qed jikkunsidra li jaħtar rapporteur speċjali bis-setgħa li jinvestiga investigazzjonijiet kriminali f’xi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Fl-imgħoddi, dan il-livell ta’ skrutinju kien ġie invokat darbtejn biss u dan sar fil-konfront tar-Russja: “biex jiġi investigat il-qtil fl-2015 tal-mexxej tal-oppożizzjoni Boris Nemtsov u l-qtil fil-ħabs tal-awditur Sergei Magnitsky li kien kixef dak li hu kien sejjeħ bħala frodi minn uffiċjali Russi”.
Issa qed jidher li min kien wissiena li “taħt il-Labour, tistħi li int Malti” u “gass down ġol-ħajt”kien jaf sew x’kien qed igħid.
Nistedinkom taqraw l-istorja dettaljata pubblikata f’The Atlantic hawn. Għandi għalxiex naħseb li Owen Bonnici u Etienne Grech mhumiex se jistampaw din l-istorja u jdendluha f’xi gwarniċ.