‘Laburisti sal-Mewt’ huwa grupp tal-Facebook għal nies li jaħsbu li l-lealtà lejn il-partit hu impenn li tidħol għalih għal ħajtek kollha. Jew inkella forsi jaħsbu li l-appoġġ lejn il-partit hu xi marda terminali. Hu x’inhu, jingħaqdu f’dan il-grupp biex jgħixu f’dinja fejn kulħadd jaqbel magħhom u jekk jinstab li xi wieħed minn fosthom huwa traditur jaqtgħuhielu għall-mewt.

Mhumiex biss il-partitarji Laburisti li jagħmlu dan. Jien darba kont nifforma parti minn grupp imsejjaħ ‘Kemm se nsibu Nazzjonalisti ġodda fuq Facebook’. Jista’ jkun li l-isem ta’ dan il-grupp hu xi kemxejn inqas morbidu imma n-natura tiegħu ta’ grupp esklussiv u intiż li jipprovdi sens ta’ komfort lill-membri tiegħu mhi differenti xejn. Tant li f’mument minnhom jien ukoll spiċċajt ġejt ittimbrat bħala traditur u qaċċtuni ‘l barra.

Il-bniedem ma jagħmillux ġid li jingħalaq f’post fejn jitkellem biss ma’ dawk li jaħsbuha u jitkellmu bħalu. Jien ukoll għandi tort li nagħmel hekk u allura hawnhekk mhu qed nipprova nagħti lezzjonijiet lil ħadd. Fuq il-Facebook tiegħi noqgħod attent immens li ma nagħti assolutament l-ebda spazju lil min irid jesprimi kummenti ta’ diskriminazzjoni u preġudizzji razzjali, ksenofobija jew mibegħda razzjali. Kull kumment bħal ‘qed jeħdulna xogħolna’, jew ‘mur lura pajjiżek’, inkella ‘ħallihom jegħrqu’ jitneħħa mill-ewwel. Facebook jagħtik kull faċilità biex tagħmel dan. Naturalment il-konsegwenza ta’ dan hi li meta nkun onlajn jien ngħix f’dinja fejn m’hemmx persuni intolleranti u razzisti, li ovvjament ma jirriflettix is-sitwazzjoni vera fil-ħajja.

Jekk m’intix membru ta’ ‘Laburisti sal-Mewt’ m’hemmx mezz kif tkun taf li l-għażla ta’ min għandu l-aktar bżonn urġenti ta’ trattament mediku jew li l-klassifika tal-prijoritajiet u l-appuntamenti tal-out-patients ma jsirux skont kriterji kliniċi imma skont jekk intix Laburist jew le. Jirriżulta li jeżisti servizz speċjali ta’ VIP li jagħti l-appuntamenti bi prijorità lil-Laburisti, waqt li l-kumplament jitħallew jistennew fil-kju.

Bħala VIP jagħtuk numru li tista’ ċċempel fuqu, li naturalment ma jkunx l-istess numru tal-isptar li ningħataw aħna, sabiex jiġu ċċekkjati l-kredenzjali politiċi tiegħek. U jekk tikkwalifika tingħata appuntament biex tinqeda malajr, wara l-pazjent Laburist ta’ qablek, u ferm qabel il-bqija.

Is-sitwazzjoni marret għall-agħar malli l-union tat-tobba indunat li l-appuntamenti li ġew kanċellati minħabba l-istrajk li ordnat aktar kmieni din il-ġimgħa ħolqu inkonvenjent doppju lil pazjenti li probabbli ssimpatizzaw mal-kawża tagħha. Dan għaliex mhux biss ikkaġunat ikonvenjent lil kulħadd bl-azzjonijiet industrijali imma issa għandha wkoll fuq il-kuxjenza tagħha l-fatt li kull min mhux Laburist sal-Mewt laqqatha darbtejn!

It-tweġiba li tieħu hi li fi żmienhom in-Nazzjonalisti għamlu l-istess għan-nies tagħhom, allura issa jmiss lil-Laburisti – li msieken ara kemm ilhom isofru – li jgawdu ftit. Apparti l-fatt li anke jekk dan hu minnu kull min jirraġuna b’dan il-mod ikun qed jikkundanna lil dan il-pajjiż għal wieħed fejn il-poter jalterna bejn dawk li jgawdu mill-korruzzjoni u l-falliment morali, il-verità hi li, mhux veru, in-Nazzjonalisti ma kinux jagħmlu l-istess man-nies tagħhom.

Kien proprju għalhekk li dawk in-Nazzjonalisti li riedu jappoġġjaw lill-partit tagħhom għal dawn ir-raġunijiet spiċċaw frustrati kostantement bil-partit tagħhom.

Li tiġi kklassifikat soċjalment skont jekk intix membru ta’ xi partit politiku jew le hija mentalità li ġejja minn żmien il-Komuniżmu. Il-fatt li dan għadu jitqies xi ħaġa normali fiż-żminijiet tal-lum verament juri li hemm ħafna xi tgħid  dwar li tkun ‘Laburist sal-Mewt’.