Ippermettuli nagħti ġieħ lil dak iż-żagħżugħ li, fil-preżenza tal-President, tkellem minn qalbu dwar dak li qed jiġri madwarna. Għal dawn l-aħħar erba’ xhur ilmentajt kemm-il darba li l-biċċa l-kbira ta’ dawk li qed jipprotestaw favur il-ġustizzja u s-saltna tad-dritt ma tistax issejħilhom żagħżagħ.

Kopja tad-diskors issibha hawn.

Meta żagħżugħ iqum minn postu biex jitkellem minn qalbu fil-preżenza ta’ sħabu, tinduna li taħt id-dalma li ninsabu ngħixu taħtha tista’ tilmaħ ukoll ir-raġġi tad-dawl. U meta jiġru affarijiet bħal dawn, l-iskuża li jġibu xi wħud li ta’ xejn wieħed joqgħod jipprotesta biex isseħħ il-bidla, taqa’ weħidha.

Bniedem waħdu ftit jista’ jagħmel differenza. Iżda għad jiġi żmien meta flimkien, fost kotra dejjem tiżdied, inkunu nistgħu nwettqu l-bidla. U m’hemmx dubju li din il-persistenza qed iddejjaqhom. Issa m’għadhomx jidħku bina. It-tgħajjir tagħhom huwa mimli qrusa. Ir-rabja tagħhom qed taħkimhom.

Ħalli għal Jason Micallef tal-V18 biex ilaqqam il-kliem li ġew proġettati l-bieraħ mill-Kenniesa fuq il-faċċata ta’ Kastija bħala vandaliżmu anti-demokratiku. L-ironija tinsab fil-fatt li biss ftit ġranet ilu huwa stess ipproġetta fuq l-istess faċċata immaġni ta’ Malta midfuna taħt torrijiet tal-konkos u tas-siment fejn minflok xita tal-ilma ħelu, tinżel xita ta’ aċtu. Xejn ma jagħmel għajb lil Tony Zarb meta jitlob lill-gvern biex jirritalja bħallikieku l-kawżi SLAPP, it-theddid bil-ħabs u l-istupru kollettiv u istituzzjonalizzat imxandar mill-mezzi tax-xandir tal-Labour m’humiex biżżejjed.

Dawn huma biss l-ewwel sinjali ta’ ċaqlieq.

Jeħtieġ li aktar u aktar żagħżagħ bħal dawk li nġabru għand il-President il-bieraħ iqumu u jitkellmu biex igħidu “LE” lill-poter. U biex is-sewwa iseħħ.