Agimeg hija aġenzija speċjalizzata tal-aħbarijiet fl-Italja b’interess fl-industrija tal-logħob. Ftit ilu għamluli xi domandi b’rabta mad-diżgwid li kien hemm dan l-aħħar bejn Malta u l-Italja fuq l-użu ta’ Malta minn mafjużi biex jaħslu l-flus tagħhom hawnhekk.
Naturalment se jkun hemm min bħas-soltu jakkużani li jien traditur.
Il-merħla ta’ zombie trolls dan l-aħħar verament ġiet mobilizzata u għalkemm normalment iżżomm ‘il bogħod mill-comments board ta’ dan is-sit elettroniku, bdiet turi ftit snienha fuq Facebook u Twitter. Probabbilment jibżgħu mill-konsegwenzi. Jew hekk, inkella jinsabu medhija aktar fil-grif tal-karozzi, l-insulti fit-toroq u fil-back-benchers tal-Parlament għaddejjin b’dak li jemmnu li hu x-xogħol tagħhom: il-kritika lill-ġurnalisti fuq l-istess livell kif kienu jiġu ppersegwitati s-sħaħar fi żmien il-medjuevu.